Friday, December 27, 2024

“Tipprovawx taħarbu għax se tmutu fil-foresta”; Studenti jirrakkontaw l-esperjenza tal-biża’ wara li nħatfu mill-Boko Haram

Aqra wkoll

Annas Shuaibu, li kien wieħed minn fost mijiet ta’ studenti li ġew maħtufa fin-Niġerja, iddeskriva kif darba fost l-oħrajn qam maħsud hekk kif sema’ għadd ta’ sparar barra l-iskola. Hu qal kif numru ta’ rġiel armati daħlu f’din il-binja u ħadu lilu kif ukoll lil mijiet ta’ studenti oħrajn u ġegħluhom jimxu lejn foresta li hemm fil-qrib. 

Shuaibu qal li huma mxew għal sigħat sħaħ ġewwa l-foresta. Wara, l-aggressuri ordnawlhom biex jieqfu u wissewhom biex ma jipprovawx jaħarbu. Skontu l-aggressuri qalulhom, “jekk tipprovaw taħarbu, anke jekk aħna nħallukhom, m’intom se tmorru mkien… intom tmutu fil-foresta.”

Annas, li għandu biss 16-il sena, kien fost 344 student li nħatfu minn skola sekondarja tal-gvern li tispeċjalizza fix-xjenza. Dan il-każ kien seħħ fil-11 ta’ dan ix-xahar fil-belt ta’ Kankara, fl-istat ta’ Katsina. Dawn l-istudenti subien kienu nżammu għal sitt ijiem qabel il-forzi tas-sigurtà rnexxielhom isalvawhom. 

Dan il-każ qajjem tħassib kbir fost il-poplu Niġerjan dwar in-nuqqas ta’ sigurtà li hemm f’dan l-iktar pajjiż popolat ta’ Afrika. Dan fakkar lil bosta dwar il-każ ta’ 2014 meta militanti tal-Boko Haram kienu ħatfu 270 studenta fil-belt ta’ Chibok. 

Meta kien qiegħed jitkellem mal-midja Shuaibu qal li hu kien beżgħan ħafna minħabba li ma kienx jaf fejn se jeħduh dawn in-nies. Huwa qal li xi subien ġew imsawta mill-aggressuri. Meta mistoqsi dwar kemm in-numru tal-persuni li ħatfuhom hu qal li ma jafx, filwaqt li tenna li ftit li xejn kienu jagħtuhom ikel tant li spiċċaw jieklu l-weraq u anke jixorbu l-ilma minn għadajjar żgħar fil-foresta. 

Ekonomija

Sport