Thursday, April 18, 2024

Tirdoppja l-kapaċità taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni f’Marsaskala b’investiment ta’ €3 miljun

Aqra wkoll

Bl-estensjoni taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni (DC) f’Marsaskala, l-Enemalta irdoppjat il-kapaċità ta’ dan iċ-Ċentru biex b’hekk ssaħħaħ l-istabbiltà fil-provvista tal-elettriku għal-lokalità ta’ Marsaskala u l-madwar.

Waqt żjara f’dan id-DC, il-Ministru għall-Ambjent, Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli faħħret l-impenn tal-Enemalta li twettaq il-pjan ta’ azzjoni għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni fil-pajjiż, liema pjan issa daħal fit-tieni sena tiegħu. 

Il-proġett tad-DC sewa’ madwar €3 miljun u se jkun qed isaħħaħ il-provvista tal-elettriku minn Marsaskala sa Birżebbuġa, inkluż iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u Marsaxlokk.

F’kummenti lill-mezzi tax-xandir, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif l-Enemalta għaddejja bi pjan ta’ azzjoni ta’ €90 miljun, mifrux fuq sitt snin, liema pjan jwassal lil Enemalta biex twettaq investimenti f’diversi nħawi tal-pajjiż. Fl-aħħar xhur tlestiet ukoll il-ħidma fuq id-DCs ta’ Ħal Tarxien u l-Imrieħel biex tiżdied il-kapaċità.

“Matul is-sena 2022, l-Enemalta investiet fi 48 substation ġdid, fosthom fil-Mellieħa, il-Mosta, Ħ’Attard u l-Marsa, mat-80 feeder mis-substation lejn toroq residenzjali f’għadd ta lokalitajiet u interventi oħra biex in-negozji u l-familji jkollhom sistema tal-elettriku aktar stabbli. Dawn il-proġetti qed jissoktaw bi pjan anke biex ilaħqu mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali li hawn fil-pajjiż. Biżżejjed jingħad li s-sena li għaddiet, l-klijenti tal-Enemalta żdiedu bi kważi 12,000,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona spjega kif l-investiment fid-DC ta’ Marsaskala involva t-tkabbir tal-ispazju fiżiku tal-binja nfisha kif ukoll l-installazzjoni tat-tielet transformer b’kapaċità ta’ 22.5MVA.

“Dan l-investiment kollu qiegħed issir filwaqt li qed nassiguraw li l-kontijiet tal-elettriku għall-familji u n-negozji jibqgħu stabbli minkejja ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija”

Il-Ministru Miriam Dalli

B’hekk prattikament irdoppjat il-kapaċità għal 45MVA, li tippermetti lill-inġiniera u t-tekniċi jagħmlu l-manutenzjoni fuq xi wieħed mit-tliet transformer mingħajr ma jinterrompu l-provvista tal-elettriku lir-residenti u n-negozji tal-inħawi.

Is-Sur Cardona radd ħajr lill-inġiniera u t-tekniċi li għal bosta ġimgħat fl-aħħar xhur ħadmu fuq dan il-proġett li kien jinvolvi wkoll l-estensjoni ta’ switchgear ġdid tal-11kV u 33kV u sistema ġdida ta’ protezzjoni bl-aħħar teknoloġija li tevita li jikbru l-ħsarat jekk tiżviluppa xi ħsara.

“Din hija parti waħda biss mill-impenn tal-Enemalta li qed tinvesti €15-il miljun fis-sena biex isaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-pajjiż. Din is-sena qegħdin fil-proċess li noħorġu sejħa biex nagħmlu upgrade fiċ-Centru tad-Distribuzzjoni tal-Imsida u qed nippjanaw li nibdew il-proġett għal Ċentru ta’ Distribuzzjoni ġdida fin-Naxxar,” qal is-Sur Cardona.

Huwa fakkar kif l-Enemalta hija impenjata li tagħmel bejn 40 u 50 substation ġdida fis-sena u diversi interventi oħra ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni. 

Ekonomija

Sport