L-edizzjoni tal-2022 tal-Express Trailers Zurrieq Half Marathon and 10km reġgħet irritornat b’suċċess wara nuqqas ta’ sentejn, hekk kif l-aħħar żewġ edizzjonijiet ma sarux minħabba l-pandemija. L-attività aret nhar il-Ħadd 13 ta’ Novembru u rat is-sehem ta’ l-aqwa atleti tal-mument li kisbu ħinijiet impressjonanti.
In-nofs maratona kienet dominata minn Luke Micallef ta’ Athleta Pembroke li daħal l-ewwel b’ħin ta’ 1.08.12 segwit minn Aaron Mifsud ta’ Mellieħa ACb’ħin ta’ 1.12.01 u Chris Micallef ta’ Evolve Endurance Club ftit sekondi wara b’ħin ta’ 1.12.26.
Fil-kategorija tan-nisa, in-nofs maratona ntrebħet minn Josann Attard Pulis li daħlet l-ewwel b’ħin ta’ 1.25.15 segwita minn Marija Cumbo ta’ Mellieħa AC b’ħin ta’ 1.29.13 u Lena Sammut ta’ Allcomers AC b’ħin ta’ 1.39.1.
It-tellieqa ta’ 10km intrebħet minn Simon Spiteri ta’ St Patrick AC b’ħin ta’ 32 minuta u 3 sekondi b’Gabriel Farrugia jidħol fit-tieni post 5 sekondi wara. Shaun Galea ta’ Evolve Endurance Club ġie t-tielet b’ħin ta’ 32 minuta u 37 sekonda.
Roberta Schembri ta’ Evolve Endurance Club kienet l-ewwel atleta mara b’ħin ta’ 35 minuta u 27 sekonda segwita minn Maria Attard ta’ l-istess club b’ħin ta’ 41 minuta u 27 sekonda. Doreen Camilleri ta’ Żurrieq Wolves ġiet it-tielet b’ħin ta’ 42 minuta u 30 sekonda.
Għall-ewwel darba kienet organizzata tellieqa ta’ 1 km għat-tfal, bil-għan li t-tiġrija tibda’ ssir popolari ma’ ġenerazzjoni ġdida ta’ atleti. Fil-kategorija tas-subien Ishmael Grima ta’ Shamrock Stars daħal l-ewwel b’ħin ta’ 5 minuti u 9 sekondi segwit minn sieħbu Nathan Pace b’ħin ta’ 5 minuti u 11 sekonda filwaqt li Isaac Luca Scicluna daħal it-tielet wara 5 minuti u 24 sekonda.
Fil-kategorija tal-bniet, Martina Mintoff ta’ Żurrieq Wolves daħlet l-ewwel b’ħin ta’ 6 minuti u 33 sekonda. Nicola Micallef u Martina Scicluna daħlu t-tieni u t-tielet b’ħin ta’ 6 minuti u 38 sekonda u 6 minuti u 47 sekonda rispettivament.
“Li naraw ir-ritorn ta’ din it-tellieqa kienet ta’ sodisfazzjoni kbir għalina ta’ Express Trailers u kburin li permezz ta’ sponsorship ta’ tlett snin li għadna kemm iffirmajna, erġajna bdejna naħdmu biex din it-tellieqa tant popolari terġa’ ssir fost l-aktar imfittxija f’Malta. Ċerti u fiduċjużi li s-suċċess ta’ din l-edizzjoni għandu jwassal għal edizzjoni ferm akbar is-sena d-dieħla,” qal kelliem għal Express Trailers.
Ftit iżjed minn 800 atleta ħadu sehem f’din l-edizzjoni, 300 fin-nofs maratona u l-kumplament fit-tellieqa ta’ 10 km.