Illum is-Sibt 11 u għada l-Ħadd 12 ta’ Ottubru, bejn l-10.30 a.m. u s-7.00 p.m., il-pubbliku huwa mistieden sabiex jattendi Playcon, l-expo ewlenija tal-video games u l-esports f’Malta, li kull sena qed tkompli tiġbed interess kbir.

Dan is-sit ilbieraħ żar din l-expo li fetħet il-bibien għal madwar 3,000 student minn skejjel differenti. Meta staqsejna lill-istudenti x’jaħsbu dwar il-Playcon, il-maġġorparti tagħhom qalulna li ħadu gost li qed jattendu għaliex togħġobhom din l-industrija, filwaqt li oħrajn qalulna li l-expo serviethom ta’ tagħlim apparti minn dak li jsir fl-iskola.
Ta’ min wieħed jinnota li fil-Playcon ta’ din is-sena se jkun hemm mas-60 esebitur, ċifra li turi li pajjiżna qed isaħħaħ l-impenn tiegħu fl-edukazzjoni, fl-iżvilupp tat-talent u fit-tkabbir ekonomiku, elementi li qed ikomplu jikkonsolidaw il-pożizzjoni ta’ Malta fuq livell internazzjonali f’dawn is-setturi.

Dan il-ġurnal tkellem ukoll ma’ wieħed mill-esebituri, li propju kien qiegħed jispjegalna li ta’ kull sena joħloq ideat li jkun jista’ jagħmel permezz ta’ 3D printing. Waqt li konna qed inkellmuh, huwa kien qiegħed ipinġi skultura biż-żebgħa u b’dettall liema bħalha.

Il-ħolma li bdiet ħames snin ilu, illum saret realtà b’expo ewlenija għall-video games u l-esports f’Malta, li kull sena qed tkompli tiġbed interess kbir. Din l-inizjattiva tgħaqqad flimkien il-partijiet interessati kollha dawk li ġejjin mill-aspett kreattiv, imprenditorjali, edukattiv u akkademiku u li tkompli tħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn l-industrija, l-istudenti u l-professjonisti.
