Tuesday, September 30, 2025

Tirritorna Festa Annimali għat-tielet sena konsekuttiva f’Ta’ Qali

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali nieda edizzjoni oħra ta’ Festa Annimali, attività li saret parti mill-kalendarju t’attivitajiet u li tkompli tgħaqqad lill-familji u lill-komunitajiet biex jiċċelebraw u jippromwovu l-benesseri tal-annimali f’Malta u Għawdex.

Festa Annimali tiċċelebra lil dawk kollha li jaħdmu għall-ġid tal-annimali. Mill-voluntiera u l-NGOs, sal-professjonisti tal-qasam veterinarju u l-awtoritajiet, u tfakkar l-importanza ta’ soċjetà aktar mħarrġa u responsabbli lejn l-annimali kollha. Din il-festa se tinkludi firxa ta’ attivitajiet għall-familji, inkluż: taħditiet u workshops dwar il-benesseri tal-annimali, wirjiet tal-klieb, fniek, tiġieġ, u żwiemel, stands edukattivi, mużika live, kif ukoll spazju dedikat għat-tfal.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo spjega li, “Din l-attività turi b’mod ċar kemm bħala pajjiż qed nagħtu importanza lill-benesseri tal-annimali. Festa Annimali se toffri wkoll spazju fejn il-familji u l-komunitajiet jiltaqgħu flimkien biex jiċċelebraw il-kontribut kbir ta’ dawk kollha li jaħdmu kuljum għall-ġid tal-annimali – mill-voluntiera sal-professjonisti. Bħala Gvern se nibqgħu naħdmu biex inkomplu nsaħħu l-inizjattivi favur il-benesseri tal-annimali, filwaqt li nrawmu soċjetà responsabbli u sensittiva lejn il-ħtiġijiet tagħhom.”

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said ħeġġet lill-familji Maltin u Għawdxin biex jattendu, b’mod speċjali dawk il-familji li għandhom pet. “Wara s-suċċess tas-snin ta’ qabel, inħarsu ’l quddiem biex nerġgħu niċċelebraw Festa Annimali fil-jum internazzjonali ddedikat għall-annimali. B’kollaborazzjoni bejn dan il-Ministeru u l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, din il-ġurnata se tkun opportunità biex inkomplu nqajmu għarfien dwar l-annimali, dwar kif nistgħu nieħdu ħsiebhom aħjar u sabiex napprezzaw l-irwol tagħhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.”

Id-Direttur għas-Servizzi ta’ Sapport fil-Ministeru għas-Sajd, l-Agrikoltura u d-Drittijiet tal-Annimali, Estelle Sant spjegat kif it-tielet edizzjoni ta’ Festa Annimali qed tiġi organizzata fil-Jum Dinji għall-Annimali. Hija ħeġġet lil kulħadd sabiex jattendi għal dan l-avveniment li ser ikun mimli b’attivitajiet għal familja kollha.

Mill-Uffiċju tal-Kummissarju għal-Ħarsien għal-Annimali, George Farrugia sostna, “Inħeġġu l-pubbliku jattendi Festa Annimali għaliex dawn l-avvenimenti huma essenzjali sabiex il-pubbliku jsaħħaħ aktar l-għarfien tiegħu dwar kif persuna għandha trabbi annimal b’mod responsabbli.” Huwa kompla jispjega li waqt l-attività se jagħtu aktar tagħrif dwar il-proċess tal-addozzjoni u kif taħdem is-sistema tal-adoptapet. Apparti dan, fl-istand tagħhom se jkunu qed joffru li jagħmlu ID Tag personalizzata b’xejn għal min għandu kelb jew qattus.

Festa Annimali se tittella’ nhar is-Sibt, 4 ta’ Ottubru, f’ Ta’ Qali, mill-10:30am sal-4pm. Iżjed dettalji jinsabu hawn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport