Friday, December 27, 2024

Tirritorna l-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza wara sentejn ta’ pandemija

Aqra wkoll

Wara waqfa ta’ sentejn minħabba l‑pandemija, din is‑sena d‑Dar tal‑Providenza se terġa’ torganizza l‑Maratona tal‑Volleyball b’risq id‑Dar. Dan qalu Fr Martin Micallef, id‑direttur tad‑Dar tal‑Providenza, f’konferenza tal‑aħbarijiet li fiha ngħataw dettalji dwar it‑12‑il edizzjoni ta’ din il‑Maratona.

Il‑Maratona se terġa ssir fil‑carpark tad‑Dar tal‑Providenza fis‑Siġġiewi, bejn il‑Ġimgħa l‑1 ta’ Lulju u l‑Ħadd 3 ta’ Lulju 2022.  Din se tkun inawgurata uffiċċjalment mill‑President ta’ Malta, l‑E.T. Dott. George Vella, il‑Ġimgħa fis‑6:00pm. 40 plejer maqsuma f’ħames timijiet se jkunu qed jilagħbu l‑volleyball għal 53 siegħa sal-Ħadd f’nofsillejl.  Kull filgħaxija se jkun hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u logħob għat‑tfal.  Il‑Maratona se tingħata wkoll f’xandira diretta fuq l‑istazzjonjiet ewlenin kif ukoll fuq is‑sit elettroniku u l-paġna ta’ Facebook tad‑Dar tal‑Providenza.

Fr Martin Micallef fakkar li l‑pandemija tal‑COVID‑19 ma kinitx żmien faċli għad‑Dar tal‑Providenza, imma minkejja dan sar minn kollox biex ir‑residenti jbatu mill‑inqas mill‑iżolament li ġab miegħu dan iż‑żmien diffiċli. Huwa qal li ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi tista’ tgħid waqfu għalkollox f’dawn is-sentejn u allura issa li morna lura għan‑normalità, din il‑maratona qed terġa tiftaħ kalendarju ta’ attivitjiet ta’ ġbir ta’ fondi li huma tant neċessarji għad-Dar biex tkompli toffri servizzi residenzjali tal-ogħla kwalità.

Fr Martin ħabbar ukoll li fix‑xhur li ġejjin id‑Dar se tkun qed tibda proġett ambizzjuż ta’ rinovar ta’ erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni, fis‑Siġġiewi, liema proġett ma setax jibda minħabba problemi marbuta mal‑pandemija. Huwa ħeġġeġ lill‑pubbliku Malti u Għawdxi biex waqt il-Maratona jiġi jissapportja l‑pleyers li b’sagrifiċċju kbir se jkun qed jidħlu għal din l‑isfida kif ukoll biex jgħinu lid‑Dar tal‑Providenza bid‑donazzjonijiet tagħhom.

Emmanuel Zammit, Chairperson tal‑kumitat tal‑Maratona tal‑Volleyball. qal li barra l‑40 pleyer li se jkunu l-protagonisti ewlenin ta’ din il-maratona, se jkun hemm ukoll madwar 200 voluntier. Huwa rringrazzja l‑isponsors  kollha, b’mod partikolari l‑Bank of Valletta li hu l‑isponsor ewlieni ta’ din il‑Maratona, l‑istazzjonijet ewlenin tat‑televixin li se jkunu qed ixandru din il‑maratona u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor qed jgħinu biex din il‑Maratona tkun suċċess. 

Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in-numri li qed nagħtu aktar l-isfel, juża l-BOV Mobile Banking jew il-PayPal jew jagħti donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar mal-APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank u BNF Bank. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit : www.sabihlitaghti.org

€10         5160 2011

€15         5170 2012

€25         5180 2013

€50         5190 2070

€100   5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile  7932 4834

Ekonomija

Sport