Friday, December 13, 2024

Tirritorna l-UEFA Champions League meta jibda jintlagħab ir-round tal-Aħħar 16

Aqra wkoll

Mil-lum se jibda jintla­għab l-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Cham­pions League bi programm ta’ erba’ partiti mifrux fuq jumejn, bl-aktar żewġ partiti li jispikkaw ikunu Paris St-Germain v Real Madrid u Inter v Liverpool. 

Paris SG v Real Mad­rid – Dan huwa konfront klassiku bejn Paris St-Germain u Real Madrid b’dawn tal-aħħar jirbħu Grupp D filwaqt li l-Pariġini spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp A. 

Il-Pariġini ġejjin minn rebħa 1-0 fuq Rennes fejn fetħu 16-il punt vantaġġ  fil-quċċata tal-klassifika tal- kampjonat domestiku. 

Min-naħa tal-Madrileni ġejjin minn draw ta’ 0-0 ma’ Rayo Vallecano fejn ukoll qed jillidjaw il-klassifika Spanjola.

Ander Her­rera u Sergio Ramos  qed jirkupraw minn injury għat-team Fran­ċiż filwaqt li Karim Benzema huwa dubjuż għal dak Spanjol.  

Din hija s-seba’ darba li dawn iż-żewġ timijiet se jil­taqgħu f’din il-kompetiz­zjoni fejn il-Madrileni reb­ħu tlieta, il-Pariġini rebħu tnejn bil-logħba l-oħra tin­temm fi draw.  

Sporting v Man City – Manchester City jibdew favoriti li jkomplu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni meta jilagħbu kontra Sporting Lisbon. 

Filwaqt li l-Ingliżi rebħu Grupp A, Sporting temmew fit-tieni post ta’ Grupp  C biex din hija l-ewwel darba mill-2008-09 li kkwalifikaw għal dan l-istadju. 

Huma ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra FC Porto li fi­ha tkeċċew xejn inqas minn ħames players.  

Min-naħa tas-Citizens, dawn jinsabu b’disa’ punti vantaġġ fil-quċċata tal-Premier League Ingliż. 

Huma għandhom lil Gabriel Jesus u Jack Grea­lish dubjużi filwaqt li Kyle Walker huwa mweġġa’. Sporting se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Joao Palhinha. 

Din se tkun it-tielet darba li se jiltaqgħu f’din il-kompetizzjoni fejn kull team rebaħ partita. 

Salzburg v Bayern M. – Bayern Munich imorru fl-Awstrija biex jilagħbu kontra Salzburg u jibdew favoriti li jikkwalifikaw għall-kwarti-finali. 

Filwaqt li huma rebħu Grupp E b’punti massimi, Salzburg temmew fit-tieni post ta’ Grupp G.

Il-Bavarjani jridu jinsew id-diżappunt tat-telfa ta’ nhar is-Sibt li għadda kontra Bochum bl-iskor ta’ 4-2. 

Huma għandhom bosta players neqsin fosthom Manuel Neuer, Alphonso Davies, Leon Goretzka u Jamal Musiala.

It-team Awstrijak se jkollu jgħaddi min­għajr is-servizzi ta’ Bernardo, Ousmane Diakite, Sekou Koita, Albert Vallci, Benjamin Sesko u Bryan Okoh. 

Din hija t-tielet darba li ż-żewġ timijiet se jiltaqgħu f’din il-kompetizzjoni fejn fiż-żewġ okkażjonijiet ta’ qabel, il-Bavarjani ħarġu reb­bieħa. 

Inter v Liverpool – Dan il-konfront huwa l-aktar wieħed li mistenni jiġbed attrazzjoni bejn żewġ timi­jiet li għandhom storja kbira fl-Ewropa. 

Liverpool rebħu Grupp B b’punti massimi filwaqt li  Inter spiċċaw fit-tieni po­żizzjoni ta’ Grupp D.

Inċidentalment iż-żewġ ti­mijiet jinsabu fit-tieni post tal-kampjonati rispettivi għalkemm in-Nerazzurri għandhom partita inqas li biha jistgħu jaqbżu fl-ewwel post. 

Filwaqt li huma ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Napoli, Liverpool kisbu rebħa diffiċli ta’ 1-0 kontra Burnley. 

Iż-żewġ timijiet lagħbu żewġ partiti f’din il-kompetizzjoni li ġew mirbuħa minn Liverpool. 

Inter se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tal- imweġġgħin Joaquin Correa, Robin Gosens filwaqt li Nicola Barella jinsab sospiż.

Min-naħa ta’ Liverpool, dawn għandhom lil Joe Gomez u Divock Origi dub­jużi.  

Ekonomija

Sport