Bħal lum 40 sena kienet ġiet ippubblikata l-inkjesta b’rabta mat-traġedja tal-Patrol Boat C-23, liema traġedja kienet seħħet fis-7 ta’ Settembru tas-sena 1984 u li fiha tilfu ħajjithom 7 persuni. L-isplużjoni kienet seħħet ‘lbarra minn Kemmuna f’ħidma biex ammont ta’ murtali u splussiv jintremew fil-baħar. Ir-rapport tal-inkjesta kien sar mill-Maġistrat Victor Caruana Colombo u tpoġġa fil-Parlament.
F’rapport dettaljat imxandar mill-ġurnal L-ORIZZONT bħal lum 40 sena ilu kien qal li “ċirkostanzi verament sfortunati, fosthom tisbit tal-bokkaport, jidher li kienu l-kaġun ta’ l-isplużjoni li kienet ġrat abbord il-Patrol Boat C-23.”
F’dik it-traġedja kienu tilfu ħajjithom is-Surġent tal-Pulizija Salvu Muscat ta’ 30 sena minn Birkirkara, il-Kuntistabbli Joseph Hare ta’ 24 sena minn Tas-Sliema, il-Bumbardier Joseph Pace ta’ 36 sena minn Santa Venera, il-Bumbardier Frans Borg ta’ 36 sena mill-Ħamrun, Gunner William Simpson ta’ 36 sena minn Ħal Lija, Private Anthony Farrugia ta’ 27 sena miż-Żejtun – kollha tat-Task Force u Private Anthony Vella ta’ 20 sena minn Għajnsielem Għawdex membru tal-Korp tad-Dejma.
Ir-rapport tal-inkjesta kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Parlament mill-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonniċi għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista, il-Perit Michael Falzon.
Mir-rapport ta’ l-inkjesta kien irriżulta li l-bidu ta’ din it-traġedja jmur lura lejn il-5 ta’ Settembru tas-sena 1984, meta dakinhar kien iddaħħal l-Isptar San Luqa Anthony Barbara minn Ħaż-Żabbar ibati minn ġrieħi kaġunati minn ħruq. Dan wassal biex il-Pulizija jinvestigaw x’seta’ wassal għall-ħruq li kellu Barbara. Mir-residenza tiegħu l-Pulizija elevat materjal li jintuża għall-produzzjoni tas-sfafar, filwaqt li minn ġo żewġt ikmamar f’Ħaż-Żabbar il-Pulizija elevat xogħol tan-nar maħdum u proviżjon li jintużaw għal xogħol ta’ murtali.
Dawn ġew elevati mis-Surġent Salvu Muscat u mill-Kuntistabbli Joseph Hare, it-tnejn vittmi ta’ din it-traġedja. Dak elevati kienu 15-il murtal kbir u xi skaffar, żewġ kaxxi beraq kbar, nofs xkora stilla, provi, borża taħlit tal-berqa u borża taħlit tas-sfafar.
Mir-rapport ta’ inkjesta joħroġ li t-taħlit pirotekniku elevat kien jikkonsisti fi klorat tal-putassa, gallic acid, trab ta’ l-aluminju, u sulfat. Taħlit ta’ dawn hu meqjus bħala ta’ periklu kbir u hu projbit li tħallat klorat tal-putassa mas-sulfat. Hi ħaġa komuni f’Malta li t-taħlit tal-berqa jkun magħmul minn klorat tal-putassa, pyro aluminium, sulfat u antimonju. Din hi taħlita li l-esperti jqisu bħala xi ħaġa tal-biża’.
Kien ġie deċiż li dan il-materjal kif ukoll il-murtali kellhom jintremew fil-baħar, ħaġa li saret kemm il-darba. Dan kellu jsir fis-7 ta’ Settembru 1984, għalkemm is-surġent Muscat kien talab is-servizz tal-Patrol Boat għal ġurnata iżda ma kienx possibbli li jingħata dan is-servizz.
Kien irriżulta li “għall-ħabta tal-11.19 ta’ filgħodu tas-7 ta’ Settembru, il-Patrol Boat marret il-Marfa minn fejn ġabret lis-Surġent Muscat u lill-Kuntistabbli Hare flimkien mal-materjal imsemmi. Għabbew ukoll mażżri biex jorbtuhom mal-murtali. Il-murtali kienu f’żewġ xkejjer u magħhom kien hemm xogħol li kien għadu mhux maħdum għal kollox. It-taħlit l-ieħor kien imgeżwer f’pakketti tal-karti fi tliet reċipjenti tal-plastik. Kollox tpoġġa quddiem il-Kabina. L-ixkejjer tpoġġew mar-rails filwaqt li r-reċipjenti tal-plastik tpoġġew fil-kabina. Il-prattika użata fir-rimi ta’ materjal bħal dan fil-baħar tiddependi skont x’materjal ikun. Materjał mhux maħdum jintrema billi jinfetħu l-pakketti u jinxtered il-materjal fil-baħar, pakket wara ieħor. Fil-każ ta’ xogħol maħdum kull xkora tiġi immażżrata u tintefa’ l-baħar. Il-materjal kellu jintrema’ madwar 4.4 mili ‘lbarra minn Kemmuna. L-ewwel materjal li beda jintrema’ kien dak li kien hemm fil-pakketti. Dan beda jsir mill-kuntistabbli Hare u mis-Surġent Muscat li bdew jiftħu l-pakketti u jferrxuh f’wiċċ il-baħar. Sadanittant l-ixkejjer bil-murtali u xogħol nofsu maħdum kienu għadhom fuq il-gverta tal-Patrol Boat, madwar tlett piedi bogħod minn fejn kien qed isir ir-rimi.”
Ir-rapport kien qal li “dak il-ħin kienet qed tonfoħ żiffa riħ. Din kienet ġejja minn fuq il-pruwa minn fejn kien qed jintrema’ l-materjal. Ammont konsiderevoli ta’ trab pirotekniku tferrex fuq il-gverta, fil-kabina u isfel. Dak il-ħin il-bokkaport tal-Patrol Boat kien miftuħ. Ir-rimi kien ilu sejjer għal madwar tmien minuti meta l-bieba tal-bokkaport ingħalqet b’tisbita u din ġiet segwita immedjatament minn splużjoni qawwija. Dak il-ħin is-Surġent Muscat u l-Kuntistabbli Hare u l-membri kollha tal-ekwipaġġ kienu fuq il-gverta minbarra private Montesin li kien fil-kabina, fuq it-tmun. Kaġun ta’ din l-isplużjoni Montesin issabbat mal-kabina u meta reġa’ ġie f’tiegħu sab il-kabina mimlija duħħan. Fuq il-gverta ra toqba kbira fil-ġenb tal-Patrol Boat u ma ra lil ħadd minn sħabu. Il-Patrol Boat kienet għadha miexja u Montesin ipprova jdawwarha lejn l-art, iżda sab li t-tmun kien iġġamjat. Għalhekk hu saq il-Patrol Boat u dderieġa lejn Kemmuna.”
Kien irriżulta li “fil-ħin tal-isplużjoni, jogħdos ‘lbarra minn Kemmuna kien hemm Tony Lautier li tela’ f’wiċċ l-ilma u dak il-ħin sema’ l-isplużjoni. Ra daħna griża u tifrik tiela’ fl-ajru u jaqa’ fil-baħar, filwaqt li ra l-Patrol Boat ħierġa mid-daħna. Hu għam lejn Kemmuna u f’madwar għaxar minuti wasal il-lukanda ta’ Kemmuna minn fein ikkuntattja lill-Valletta Radio dwar l-inċident”
‘Bħal bżar’
Ir-rapport ta’ inkjesta kien tkellem dwar x’kien li probabbilment wassal għall-isplużjoni. Kien qal li “waqt ir-rimi tal-materjal pirotekniku, li kien qed jitferrex fil-baħar, kwantità minnu tferrxet fuq il-Patrol Boat u ġo fiha. L-ammont li daħal fil-Patrol Boat kien tant li Private Montesin, li kien qiegħed isuq biż-żewġ bibien magħluqin, innota li kellu fuq idejh għabra lewn il-fidda. Barra minn hekk Gunner Simpson, li kien fl-istiva, x’aktarx induna ukol b’din l-għabra. Filfatt hu għalaq il-port holes u l-bieb ta’ wara. Simpson innota ukoll trab qisu bżar f’kikkra te li kien għadu kif għamel. Hu tela’ fuq il-gverta biex juri t-te lil sħabu u ftit wara l-bieb tal-bokkaport ingħalqet b’tisbita. Din ma setgħetx tingħalaq waħidha. Probabbilment għalaqha biex iżomm milli tidħol aktar għabra fil-Patrol Boat mill-bmkkaport. Hu probabbli ħafna li għabra simili kienet mad-dawra tal-bokkaport. Meta ingħalqet il-bieba tal-bokkaport bil-piż tagħha ippressat dik l-għabra u qabdet. Il-berqa istantanja laħqet l-ixkejjer li kien fihom il-murtali u x-xogħol nofsu maħdum u b’hekk ġiet ikkawżata l-isplużjoni. Il-fatt li ż-żewġ xkejjer kienu qrib ħafna ta’ fejn kien qiegħed jitferrex il-materjal mhux maħdum jagħmilha kważi ċerta li ż-żewġ xkejjer kellhom l-għabra splussiva fuqhom. Għandu jiġi nnutat li l-15-il murtal li kien hemm fl-ixkejjer kienu huma kill miksijin bl-għabra piroteknika sa minn meta ġew elevati minn Ħaż-Żabbar. Hu kkalkulat li b’kollox il-murtali kienu jiżnu 40 kilo. Ma jidhirx li jista’ jkun hemm kawża oħra għall-isplużjoni.”
Ir-rapport imxandar f’L-ORIZZONT, jgħid li “r-rapport ta’ l-inkjesta kien temm jgħid li s-Surġent Muscat kien rema’ materjal bħal dan f’okkażjonijiet oħra. Jidher li dakinhar tal-inċident ma tax każ tad-direzzjoni tar-riħ waqt li kien qed jintrema’ l-materjal imsemmi kif ukoll tal-fatt li l-Patrol Boat keinet miexja għal ġor-riħ. Jidher li dawn kienu l-fatturi ewlenin li wasslu għat-tixrid ta’ l-għabra ta’ l-isplussiv mal-Patrol Boat kollha”.