… speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ festi
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation Daniela Calleja Bitar enfasizzat fuq l-importanza li nieħdu ħsieb lil xulxin dejjem b’mod partikolari f’dan iż-żmien li mhux għal kulħadd ikun l-istess, għax filwaqt li “għal xi wħud jista’ jkun żmien sabiħ, maġiku, u żmien ta’ ferħ, iżda għal xi wħud jaf ikun żmien ikrah, speċjalment jekk xi ħadd ikun għaddej minn żmien ikrah u xi diffikultà fil-ħajja tiegħu u allura għandna nieħdu ħsieb lil xulxin minħabba s-solitudni”. Hija appellat biex jekk nafu lil xi ħadd li se jkun waħdu ninkluduh magħna f’dawn iż-żminijiet tal-festi.
F’intervista ma’ L-Orizzont, Calleja Bitar tkellmet dwar l-irwol tagħha f’din il-fondazzjoni u anke l-ħidma tagħhom fis-soċjetà Maltija. Qaltilna li bħala Kap Eżekuttiv ix-xogħol tagħha jikkonsisti li tieħu ħsieb lil dawk il-ħaddiema kollha li jieħdu ħsieb lil dawk in-nies li huma vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, għax biex “ikollok tgħin lin-nies li aħna naħdmu magħhom, mhux biss importanti li nagħtu kas u naħdmu man-nies tal-pubbliku, iżda naraw ukoll lill-istaff tagħna, li huwa ddedikat ħafna, u huwa mħarreġ ħafna wkoll, u jeħtieġ iżda li nagħtu s-sapport lilhom ukoll.”
Ma nistgħux ma nsemmux il-kampanja nobbli li qed jagħmlu matul iż-żmien tal-Milied, u meta tlabna aktar dettalji hija qaltilna li din il-kampanja ġiet imwaqqfa wara li għarfu “dan il-bżonn, u dan l-aktar minn qabel il-pandemija tal-Covid-19 fejn bdejna naraw li t-terapija bdiet togħla.”
Ġie nnutat li biex tħallas sessjoni waħda ta’ terapija, il-medja kienet li kont tħallas bejn 25-35 ewro. Iżda issa skont Calleja Bitar “qed naraw li fis-sena 2024, kull sessjoni l-medja hija ta’ 50 ewro, u għalhekk qed ngħidu kważi rduppjat. Issa dan meta toqgħod tikkumpara ftit, meta wieħed ikollu bżonn jattendi xi sessjonijiet għat-terapija mhux ser jattendi darba u jkun biżżejjed, anzi ser issib min li jkollu bżonn aktar minn waħda, tlieta, sitta, għaxar sessjonijiet, u jkun hemm min ikollu bżonn jattendi għat-terapija darba fil-ġimgħa.” Hemm min ikollu bżonn jattendi darba kull ħmistax jew anke darba kull tliet ġimgħat, għalhekk il-bżonn bejn persuna u oħra ser ivarja.
Qaltilna li xi ħaġa li telgħet fil-wiċċ u u għarfu bħala fondazzjoni hija li dawn li jkollhom bżonn it-terapija ssib li ħafna minnhom ikollhom diffikultà finanzjarja wkoll, u li “għalhekk ma jistgħux jieħdu ħsieb lilhom infushom mil-lat tat-terapija, għax ma jkunux jistgħu jaffordjaw li jagħmlu din it-terapija, u għalhekk nedejna din il-kampanja, ‘The Gifts of Therapy’ biex aħna ngħinuhom, servizz li t-talba tiegħu qed tikber, speċjalment minn dawn in-nies li għandhom bżonn li jkollhom servizz b’xejn ta’ terapija.”
Ladarba semmiet li hemm dan il-bżonn li dejjem qed jikber; ta’ din it-talba għat-terapija, u li dan jidher bħala kuntrast mal-idea li s-soċjetà tagħna hija mill-aqwa, tiġi l-mistoqsija wkoll għalfejn il-bniedem qed iħoss aktar il-bżonn li jirrikorri għat-terapija, meta wkoll tqabbel il-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu fiha llum il-ġurnata. Hija spjegat li jista’ jkun li hemm żewġ raġunijiet; l-ewwel nett li hemm aktar kuxjenza fuq il-problemi tas-saħħa mentali, u n-nies qed jilqgħu minn qabel. Hija qaltilna li ilha f’dan is-settur 23 sena, u meta tara l-istatistika, “qabel il-Covid kienet li xi ħadd kien ifittex l-għajnuna bejn 4 u 10 snin minn mindu trabbietlu l-marda, u għalhekk ara l-ammont ta’ ħsara li ssir.” Iżda issa n-nies iktar qed jagħrfu l-bżonn li jieħdu ħsieb lilhom infushom. Iżda hija wkoll realtà li l-mard mentali qed jiżdied, għalhekk naturalment in-nies qed jirrikorru aktar. Spjegat ukoll li l-pandemija ma għenitx dwar dan l-aspett għax qisu li minflok għenet, żiedet aktar is-sintomi.
Għalhekk la hemm aktar din il-ħtieġa, ir-Richmond Foundation li jagħmlu hu li jagħtu terapija b’xejn għal min jitlob is-servizz. L-għan ta’ din il-kampanja hi għalhekk li tagħti donazzjoni lill-fondazzjoni biex dawn in-nies ikun aktar faċli għalihom biex jieħdu dan is-servizz meta jitolbuh.
Jekk wieħed jixtieq li jagħmel kuntatt mal-fondazzjoni jista’ jagħmel dan billi jidħol fuq is-sit www.richmond.org.mt, hemm il-helpline tal-1770, u hemm ukoll il-linja 1579, għax hemm wieħed jista’ jsib l-għajnuna kuljum għal 24 siegħa.