Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) kull sena tingħaqad mal-komunità internazzjonali sabiex tfakkar il-Jum Internazzjonali kontra t-Traffikar tal-Bniedem. Għaldaqstant, dalgħodu ttellgħet konferenza sabiex tqajjem aktar għarfien u tiddiskuti realtajiet ġodda li qed jagħmlu aktar kumplessi problemi marbuta mat-traffikar uman.
Din il-konferenza ttellgħet bħala parti mill-proġett li qed taħdem fuqu l-FSWS, ‘New Beginnings: Empowering Against Trafficking’. Dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), u għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-vittmi tat-traffikar tal-persuni f’Malta.
Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza, il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li t-traffikar tal-bnedmin huwa reat serju u kriminali li jaffettwa gruppi vulnerabbli bħal tfal u nisa li qed jgħixu fi vjolenza domestika, persuni migranti mingħajr appoġġ, individwi bi problemi ta’ saħħa mentali u dawk li jesperjenzaw faqar estrem jew esklużjoni soċjali.
“Qed inkomplu noffru appoġġ u protezzjoni lill-vittmi tat-traffikar, kemm Maltin kif ukoll barranin. Is-servizzi jinkludu kenn u akkomodazzjoni siguri, għajnuna psikosoċjali, assistenza legali u appoġġ biex dawn l-individwi jerġgħu jibdew ħajjithom mil-ġdid u jgħixu ħajja b’dinjità,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq fuq l-importanza li fondi Ewropej jitħaddmu b’mod strateġiku u effettiv sabiex jilħqu l-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Huwa rringrazzja lill-FSWS u lill-entitajiet kollha involuti fil-proġett għall-impenn tagħhom biex issir din il-bidla fil-ħajja tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.
“Il-proġett ‘New Beginnings’ huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej jistgħu jinvestu fit-tama. Mhux biss nipprovdu s-servizzi u s-sigurtà meħtieġa, imma wkoll noħolqu futur ġdid għal dawk li l-aktar jeħtieġu l-għajnuna tagħna,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg saħqet, “Matul din l-aħħar sena, bħala Gvern komplejna nimplimentaw l-Istrateġija Nazzjonali u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Malta kontra t-Traffikar tal-Bnedmin. F’dawn l-aħħar jiem nedejna kampanja nazzjonali bl-isem ‘Human Trafficking Hides in Plain Sight. See Something Wrong, Say Something Right’. Din il-kampanja għandha l-għan li ssaħħaħ il-kuxjenza pubblika dwar dan ir-reat serju u tħeġġeġ lin-nies jirrappurtaw kwalunkwe attività suspettuża lill-awtoritajiet.”
”Huwa d-dmir tagħna bħala pajjiż li nipproteġu lil xulxin minn dan l-att kriminali. Mhux biżżejjed nikkundannaw it-traffikar tal-bnedmin, irridu niffaċċjawh u naġixxu b’mod ċar u deċiżiv biex nikkumbattuh,” żiedet tgħid is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti qal li permezz tal-proġett ‘New Beginnings’, il-Fondazzjoni qed tidentifika fi stadju bikri każijiet ta’ din ix-xorta, u jagħti protezzjoni u integrazzjoni ta’ vittmi tat-traffikar f’Malta. Huwa kompla jispjega li ‘New Beginnings’ joffri wkoll taħriġ speċjalizzat lill-professjonisti u sensibilizzazzjoni lill-pubbliku dwar x’jagħmel lil xi ħadd vulnerabbli għat-traffikar u x’sinjali wieħed irid iżomm quddiem għajnejh biex jiġu assigurati interventi effettivi u effiċjenti.
L-FSWS tappella lill-pubbliku biex jekk jissuspetta li xi ħadd jista’ jkun vittma ta’ traffikar, jagħmel kuntatt mal-awtoritajiet. In-numru tal-emerġenza hu 179 u s-servizz huwa disponibbli 24 siegħa kuljum.
Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi tal-FSWS jew il-proġett ‘New Beginnings’, tista’ żżur, www.fsws.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook ‘New Beginnings’.