Friday, October 25, 2024

Tisħiħ fis-sigurtà għar-residenti tal-Marsa permezz tan-Neighbourhood Watch

Aqra wkoll

Fil-Marsa se tissaħħaħ aktar is-sħubija bejn il-Pulizija u l-komunità fl-interess tas-sigurtà fil-lokalità permezz tal-proġett pilota ‘Neighbourhood Watch’.

Filwaqt li l-Pulizija qed tibqa’ ssaħħaħ ir-riżorsi fis-sigurtà tal-lokalitajiet, issa permezz tal-proġett ‘Neighbourhood Watch’, ir-residenti se jkollhom sehem iżjed dirett fiż-żamma tal-ordni fil-komunitajiet.

In-‘Neighbourhood Watch’ se jkun qed jitħaddem b’mod ewlieni permezz ta’ koperazzjoni diretta mal-Pulizija tal-Komunità, u ma’ uffiċjali oħra li jservu fl-għases tal-Pulizija u r-residenti.

Il-programm ‘Neighbourhood Watch’ għalhekk se jkun kompost minn koordinatur f’kull żona tal-lokal biex jiġi żgurat li jkun hemm aktar komunikazzjoni bejn il-komunità u l-Pulizija kemm permezz ta’ mezzi soċjali kif ukoll b’laqgħat regolari ta’ kull xahar. Dawn il-mezzi se jservu ta’ pjattaformi effettivi għar-residenti biex jirrapportaw kwalunkwe tħassib jew każijiet, filwaqt li l-Pulizija taġġorna u tgħaddi informazzjoni skont il-ħtieġa.

It-tħaddim tal-proġett pilota kien spjegat f’mixja li għamel il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, fil-qalba tal-Marsa. Fil-preżenza tas-Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, u ta’ uffiċjali oħra tal-Pulizija, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega l-għanijiet u l-mod li bih qed titħaddem din l-inizjattiva fil-Marsa — lokalità b’realtajiet u b’karatteristiċi partikolari.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li s-sigurtà fil-lokalità tal-Marsa u f’lokalitajiet oħrajn tibqa’ prijorità. Il-Ministru Camilleri tenna li s-sigurtà għandha tibqa’ tkun indirizzata u spjega kif inizjattivi bħal tal-proġett pilota tan-‘Neighbourhood Watch’ huwa pass ieħor importanti ta’ kollaborazzjoni mal-komunità, għall-ġid tal-komunità. Is-Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, irrikonoxxa kull impenn muri mill-Pulizija u tkellem dwar materji li jeħtieġ li jkomplu jkunu indirizzati fil-lokalità.

Huwa faħħar tali inizjattivi bħalma hi n-‘Neighbourhood Watch’ u anke d-differenza pożittiva li ġabet l-introduzzjoni tal-Pulizija tal-Komunità fil-Marsa u l-koperazzjoni eċċellenti mill-Pulizija tad-Distrett u sezzjonijiet oħra. Dan wassal sabiex fil-Marsa kien hemm żvilupp pożittiv u importanti.

Is-sigurtà għan-nies fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin se tibqa’ tingħata l-importanza mistħoqqa hekk kif il-proġett ‘Neighbourhood Watch’ mistenni li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ikompli jinfirex f’iżjed lokalitajiet madwar il-pajjiż.

Sport