Sunday, December 29, 2024

Tisħiħ ta’ assistenza legali professjonali bla ħlas lill-vittmi ta’ vjolenza domestika​

Aqra wkoll

YouTube video

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza, u Governanza saħħaħ servizz ta’ assistenza legali professjonali mingħajr ħlas, lill-vittmi ta’ vjolenza domestika. Is-servizz jitmexxa mill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali, fi ħdan l-istess ministeru. L-assistenza legali bla ħlas lill-vittmi tal-vjolenza toħroġ mill-Att dwar il-Vjolenza Domestika u Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru fil-Liġijiet ta’ Malta, implimentati minn dan il-Gvern f’Mejju tal-2018.

L-imxija tal-coronavirus ġabet quddiemna sifidi ġodda fis-soċjetà tagħna li għalkemm kienu jeżistu, bdew jinħassu iżjed waqt din il-kriżi, fejn aktar persuni ġew esposti għall-vjolenza domestika. Madwar id-dinja u mhux b’inqas f’pajjiżna, in-nies qed jiġu mitluba li jibqgħu d-dar, u dan sabiex tingħeleb din l-imxija. Madankollu, id-dar mhix spazju sigur għal kulħadd. Ħafna vittmi tal-vjolenza domestika huma iżolati f’ambjenti ferm perikolużi, huma u ħafna drabi wliedhom.

Din l-inizjattiva, li se ssaħħaħ servizz eżistenti, hija ntiża sabiex tgħin aktar lill-vittmi tal-vjolenza domestika f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji u tingħata assistenza legali ta’ kwalità effettiva.

Dan is-servizz se jara t-tnedija ta’ numru tal-mobile għal assistenza immedjata, erbgħa u għoxrin siegħa kull jum tal-ġimgħa, fejn il-persuna li ċċempel għal dan is-servizz se tingħata appuntament sa’ ftit sigħat wara, ma’ avukat speċjalizzat f’dan il-qasam sabiex tiġi assistita u sabiex issir analiżi jew tingħata l-pariri meħtieġa. Din l-assistenza legali se tkun bla ħlas.

Għaldaqstant ġew ingaġġati numru ta’ avukati biex joffru dan is-servizzi mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mid-9:00am sat-3.30pm.

Jekk l-avukat jara li l-assistenza meħtieġa hija dik fil-kamp ċivili u mhux biss strettament għall-kwistjonijiet ta’ vjolenza domestika, jiskatta l-mekkaniżmu maħsub diġà fil-liġi, sabiex persuna tibbenefika mill-Istitut tal-Għajnuna Legali.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza, u Governanza Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar sostnew li din hija miżura oħra fost katina ta’ miżuri sabiex tingħeleb il-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika, speċjalment fiż-żminijiet straordinarji u bla preċedent li qed naffaċċjaw bħalissa.

Din l-inizjattiva nibtet waqt video-conference mal-MEP Miriam Dalli dwar is-suġġett tal-vjolenza domestika. Matulha, Dr Dalli spjegat kif waħda mir-raġunijiet li vittma tibqa’ lura milli titkellem hija minħabba kwisjtonijiet finanzjarja li tagħmilha dipendenti fuq l-aggressur. Ghalħekk insistiet dwar assistenza legali b’xejn. Aktar assistenza tfisser ċans akbar biex vittma tagħmel dak il-pass importanti li jista’ jsalvalha ħajtu jew ħajjitha.

It-talba għall-għajnuna tista’ tintalab fuq:

Email: [email protected]

Mobile: 7974 7974 (24 siegħa)

Jew; Telephone:  2567 4330 (9am – 3:30pm, mit-Tnejn sal-Ġimgħa)

Ekonomija

Sport