Minkejja ċ-ċokon tiegħu, pajjiżna għandu għalxiex jiftaħar bil-wirt kulturali u l-istorja rikka tiegħu. Huwa importanti għalhekk li l-wirt kulturali ta’ pajjiżna nkomplu nieħdu ħsiebu u nindukrawh. Dan għaliex il-gżejjer tagħna għandhom karatteristiċi uniċi bl-ibliet u l-irħula tagħna, li jagħmluna distinti minn popli oħra.
F’dan ir-rigward, il-Ħadd li għadda ttellgħet diskussjoni bit-tema “Il-Kultura ssaħħaħ l-Identità Maltija” bis-sehem tal-Prim Ministru Robert Abela li fid-diskors tiegħu enfasizza t-twemmin tal-Gvern fil-potenzjal tal-patrimonju Malti. Tant hu hekk, illi ċ-Ċittadella u l-Imdina se jkunu proposti li jiddaħħlu fil-lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO.
Għalhekk ma nistgħux ma nilqgħux b’sodisfazzjon din l-aħbar kif nilqgħu wkoll l-investiment li qed isir biex aktar tfal u żgħażagħ ikomplu jimirħu fl-oqsma tal-arti u l-kultura u b’dan il-mod jissaħħaħ il-legat li writna. Huwa għalhekk li l-kultura tinkludi fiha elementi diversi, bil-karatteristiċi uniċi tagħhom mifruxa matul is-sena kollha. B’mod partikolari fi żmien il-festi li jkunu ċċelebrati fil-lokalitajiet rispettivi madwar Malta u Għawdex.
U f’dan il-kuntest, infaħħru l-impenn tal-Gvern biex ġew salvati numru ta’ għaqdiet mużikali. Dan b’investiment ta’ €19-il miljun li sar fl-aħħar xhur biex ġew salvati 12-il sede ta’ soċjetajiet mużikali li kienu f’riskju ta’ żgumbrament. Nemmnu illi kien essenzjali li jittieħdu miżuri bħal dawn biex ikunu protetti l-każini tas-soċjetajiet mużikali billi għandhom rwol kruċjali fit-trawwim tal-iżvilupp kulturali u l-progress soċjali fost il-familji.
U ġaladarba qegħdin nitkellmu fuq l-identità Maltija, inkunu qed nonqsu jekk ma nagħmlux referenza għall-Ilsien Malti… ilsien li rridu nibżgħu għalih għax huwa element li jsawwarna bħala nazzjon u jgħaqqadna flimkien bħala poplu.
Iżda bħala poplu Malti kemm qegħdin nibżgħu għal ilsien art twelidna? Filwaqt li pajjiżna huwa parti mid-dinja u ma jgħix f’iżolament, u għalhekk nifhmu li ma fiha xejn ħażin, anzi huwa tajjeb ħafna li nkunu multilingwistiċi u nkunu nafu nitkellmu b’ilsna oħra differenti, b’danakollu m’għandniex nagħmlu dan għas-skapitu ta’ lsien art twelidna stess.
B’dan kollu f’moħħna, nemmnu li għandna għalxiex inkunu kburin b’dak kollu li jagħmilna Maltin u Għawdxin. Inħarsu ’l quddiem għal aktar investiment f’dawn l-oqsma, b’mod partikolari bil-proġett tal-Culture Hub fil-Marsa, li fiż-żmien li ġej se nkunu qed naraw il-bidu tat-twettiq tiegħu.