Friday, December 27, 2024

Tisħiħ tal-kultura fl-ibliet u l-irħula tagħna

Aqra wkoll

Minkejja ċ-ċokon fid-daqs tal-Gżejjer Maltin, il-kultura fi ħdan l-ibliet u l-irħula tagħna hija kbira. Kbira fit-tradizzjoni u l-innovazzjoni u xejn inqas fil-parteċipazzjoni u l-ħeġġa ta’ komunitajiet sħaħ li bil-qalb jagħtu sehemhom b’sens ta’ għaqda u kburija. Bil-varjazzjoni u l-oriġinalità tagħhom minn komunità għal oħra, kollha flimkien dawn l-attivitajiet isawru u jseddqu l-kultura nazzjonali.  

Hija kultura li titgawda kemm mill-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll mill-għadd dejjem jiżdied ta’ turisti saħansitra f’inħawi fejn, sa ftit snin ilu, ma kontx tara turist wieħed. Il-Kottonera u nħawi “minsija” oħra llum saru skoperti mill-isbaħ għall-barranin kollha li jiġu fostna, liema realtà hija riflessa fit-titjib ovvju tal-attività soċjo-ekonomika tal-inħawi.

Huwa b’dan il-ħsieb li xejn inqas minn 49 kunsill lokali madwar Malta u Għawdex ingħataw injezzjoni finanzjarja ta’ €800,000 bejniethom permezz tal-iskema għall-Attivitajiet Kulturali Annwali 2023/2024. L-għan huwa ċar: daqqa t’id siewja f’għajnuna lill-kunsilli lokali biex itellgħu attivitajiet kulturali fil-qalba tal-lokalitajiet tagħhom. L-iskema ta’ finanzjament tinħareġ mid-Dipartiment tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u hija parzjalment finanzjata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Fit-tnedija tal-iskema f’Ġunju li għadda, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli sostniet li l-attivitajiet kulturali lokali għandhom rwol vitali fil-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt uniku tal-komunità biex hekk tistagħna l-ħajja tar-residenti. Żiedet tgħid: “Il-Gvern kommess li jibqa’ jinvesti fil-kultura Maltija u f’attivitajiet kulturali lokali għaliex nemmnu li l-kultura ssawwar u tagħtina l-identità tagħna”, waqt li faħħret lil dawk il-kunsilli lokali kollha li tefgħu l-applikazzjoni tagħhom għal dawn il-fondi.

F’dan ix-xahar spikkaw żewġ attivitajiet kulturali li bil-ħaqq kollu sabu l-appoġġ u s-sostenn finanzjarju tal-Gvern. Il-Ġimgħa 13 u s-Sibt 14 t’Ottubru l-Kunsill Lokalli tal-Birgu tella’ l-attività annwali tiegħu tal-Birgufest. Filwaqt li s-Sibt li għadda fi Triq il-Kbira u l-inħawi tal-madwar fil-Ħamrun, irritorna l-Festival taċ-Ċikkulata, inizjattiva kulturali tal-Kunsill Lokali li din is-sena ħa ħsieb li jkollu wkoll il-parteċipazzjoni ta’ artisti tal-ChocoModic Festival, attività simili li tittella’ f’Modica, l-Italja.

Huwa tal-akbar sodisfazzjon tara dawk l-eluf ta’ Maltin u turisti jattendu għall-Birgufest li matulhom ittellgħu wkoll diversi attivitajiet kulturali u artistiċi bis-sehem ta’ gruppi lokali u barranin. Bla dubju, il-Birgufest din is-sena reġa’ kien ċelebrazzjoni mill-isbaħ tal-kultura u t-tradizzjonijiet tal-lokal biex hekk seta’ jissokta t-tisħiħ tal-kultura fl-ibliet u l-irħula tagħna.

Tabilħaqq interessanti matul il-Birgufest ta’ din is-sena kienu l-attivitajiet maħsubin biex jolqtu x-xejriet kulturali ta’ kulħadd, fosthom taħditiet fuq l-Ilsien Malti u d-djalett tal-Kottonera, gruppi mużikali folkloristiċi, ikel tradizzjonali Malti, infjorata, wirjiet dwar il-lokal, u suq tal-artiġjanat Malti.

Fil-Ħamrun, l-attendenza tal-Maltin u t-turisti ma kienet xejn inqas. Hija attività li tagħti l-ħajja lil-lokalità u l-komunità tal-Ħamrun, waqt li xxerred il-kultura u l-arti li hemm assoċjati max-xogħol u l-produzzjoni taċ-ċikkulata.

Il-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun illum ħa bixra tabilħaqq internazzjonali, tant li matul tmiem il-ġimgħa li għadda, il-pubbliku kellu l-opportunità jara ċikkulata minn Malta, l-Italja, l-Ġermanja, l-Belġju, l-Amerika, l-Brażil, u r-Renju Unit fost oħrajn. 

Kif spjega tajjeb is-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut, l-għan tal-festival huwa li jkompli jgħin fir-riġenerazzjoni tal-Ħamrun fejn bħalissa għaddej xogħol kbir bil-ħsieb li l-lokalità tissaħħaħ minn kull lat u hekk toffri esperjenza unika li dawk kollha li jżuruha mhux biss waqt il-festival imma matul is-sena kollha.

Bħall-Birgufest, il-Festival taċ-Ċikkulata jitlob xogħol u tħejjijiet bla waqfien matul is-sena, għalhekk minbarra l-fondi, il-Kunsill Lokali jkun jeħtieġ l-għajnuna u l-ħeġġa tal-komunità kummerċjali u tal-għaqdiet kollha biex, sena wara sena, jibqa’ jinkiseb u saħansitra jikber is-suċċess.

L-ispalla li jsibu l-kunsilli lokali mill-awtoritajiet biex jorganizzaw l-attivitajiet kulturali hija riflessa fiż-żieda li rajna fuq il-kalendarju Malti. Waqt li saħaq li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkompli tappoġġja lill-għaqdiet u l-Kunsilli Lokali biex jgħollu l-livell tal-prodott turistiku u kulturali li joffri pajjiżna, l-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo iddiskriva l-Festival taċ-Ċikkulata bħala “opportunità biex inkomplu noffru iżjed attrazzjonijiet lill-Maltin u t-turisti.”

L-impatt pożittiv li qed iħallu t-800,000 f’fondi li alloka l-Gvern lil dawk il-Kunsilli Lokali li juru sens ta’ inizjattiva u impenn, illum beda jinħass u jidher sewwa. Il-kalendarju kulturali Malti llum jirrifletti d-diversità u l-aspetti partikolari ta’ bliet u rħula differenti Maltin u Għawdxin, fejn il-komunitajiet baqgħu qalbhom marbuta mat-tradizzjonijiet u x-xejriet kulturali li wirtu mill-antenati tagħhom.

Fuq kollox, kif tenniet sikwit is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, l-iskema tal-fondi qed trawwem ideat u ħiliet ġodda waqt li tesponi t-tradizzjonijiet u talenti artiġjanali tal-komunitajiet li jmiddu jdejhom għax-xogħol u jingħaqdu mal-Kunsilli Lokali tagħhom fit-tisħiħ tal-Kultura Maltija mnaqqxa fit-tradizzjonijiet u l-kulturi partikolari tal-ibliet u r-rħula ta’ dawn il-Gżejjer.

Ekonomija

Sport