Friday, December 27, 2024

TISĦIĦ TAR-REPUTAZZJONI TA’ MALTA FIL-QASAM INTERNAZZJONALI

Aqra wkoll

Minkejja li Malta hi l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea, id-daqs ġeografiku ma jnaqqas xejn mill-importanza ta’ pajjiżna fil-livell internazzjonali. Matul iż-żmien Malta tat prova tal-kapaċitajiet diplomatiċi tagħha biex twassal il-leħen favur il-paċi mhux biss fl-Ewropa imma anke lil hinn.

Prova oħra ta’ kemm Malta tgawdi fiduċja kbira fost nazzjonijiet oħra ngħatat nhar it-Tnejn li għadda meta ġiet avviċinata biex tippresjedi l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) fis-sena li ġejja.

B’hekk, Malta se tkompli tkun dik il-vuċi b’saħħitha wara li kienet ukoll eletta membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Issa jonqos li d-deċiżjoni biex Malta tassumi l-Presidenza tal-OSCE s-sena d-dieħla, tkun approvata wkoll mill-Gvernijiet tas-57 pajjiż li jifformaw l-OSCE.

Infakkru li fis-snin sittin, Malta kienet il-protagonista li ressqet b’suċċess riżoluzzjoni li kienet ġiet approvata b’mod qawwi mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda dwar li qiegħ il-baħar tal-oċeani jkun wirt komuni tal-umanità.

L-istorja reġgħet irrepetiet ruħha ftit tal-jiem meta riżoluzzjoni li ressqet Malta dwar il-kunflitt tal-Lvant Nofsani kienet approvata fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda wara li kien hemm diġà erba’ attentati minn pajjiżi differenti li fallew.

Għalhekk nemmnu li n-newtralità ta’ pajjiżna għadha rilevanti daqskemm kienet fis-snin imgħoddija. Hawnhekk ninnutaw ukoll li kuntrarjament għal dak li jgħidu xi wħud fil-politika Maltija li Malta tilfet ir-reputazzjoni tagħha fil-qasam internazzjonali huwa argument li ma jreġix.

Fatt li anke kien rikonoxxut mill-FATF li wara ftit xhur neħħiet lil Malta mil-lista l-griża. F’dan il-kuntest kollu, l-istess bħalma nfaħħru l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, inkunu qed nonqsu jekk ma nirrikonoxxux il-ħidma bla heda tad-diplomatiċi Maltin mhux biss biex jattiraw aktar negozju lejn pajjiżna imma wkoll għall-ħidma tagħhom biex jirrenja s-sliem fejn hemm il-kunflitti partikolarment ir-reġjun tal-Mediterran li pajjiżna jagħmel parti minnu.

Ekonomija

Sport