F’dawn l-aħħar xhur, speċjalment minn wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, kienu diversi l-pajjiżi li taw importanza lis-sigurtà tas-sovranità tagħhom. Ħafna minn dawn il-pajjiżi, inklużi stati membri tan-NATO u tal-Unjoni Ewropea għadhom qed jiffukaw fuq kemm se jkabbru l-Budget tagħhom fin-nefqa għad-difiża u s-sigurtà tagħhom, iktar u iktar illum meta sikwit qed ikun hemm dehriet ta’ drones “misterjużi” jittajru fl-ispazju tal-ajru tagħhom bi ksur sfaċċat tal-liġi internazzjonali.
Fil-kuntest lokali, is-sigurtà ta’ pajjiżna qed tingħata iktar importanza. Tant li fl-aħħar statistika, pajjiżna qed jikklassifika fit-12-il post bħala pajjiż fost l-aktar siguri fid-dinja fost 143 pajjiżi. Din il-klassifikazzjoni saret mill-World Justice Project Rule of Law Index. Dan ir-riżultat jirrifletti l-kisbiet u l-progress ta’ pajjiżna biex naqqas rati ta’ kriminalità fl-aħħar snin.
Quddiem dawn ir-riżultati pożittivi nistennew li l-investiment fis-settur tas-sigurtà ikompli jitkattar, kif jixhed l-investiment imħabbar fil-Budget għas-sena 2026. Minn dak li nafu, l-investiment rikurrenti se jkun kważi ttrippla u dak kapitali jiżdied b’ħames darbiet meta kkumparat mas-sena 2012.
Ilkoll naqblu li is-sigurtà fejn ngħixu, fejn niddevertu u fejn naħdmu hija dritt ta’ kull wieħed u waħda minnha u m’għandhiex titqies bħala xi privileġġ. Dan id-dritt huwa rifless aktar b’saħħa fil-miżuri tal-Budget 2026. It-tħabbira li l-Gvern se jkompli jinvesti fit-teknoloġija tal-Korp tal-Pulizija, b’nefqa ta’ €6 miljun biex tinbidel is-sistema tal-informatika hija ammirevoli. Dan mistenni jwassal għal servizz aktar effiċjenti u għal aktar għodda ta’ informazzjoni u data bżonnjuża għal deċiżjonijiet strateġiċi.
Il-Protezzjoni Ċvili wkoll se tkun aktar imħejjija għall-isfidi moderni u tal-ġejjieni, inklużi vetturi tat-tifi tan-nar elettriċi ġodda, apparat ġdid ta’ tfittxija mill-ajru f’sitwazzjonijiet ta’ salvataġġ u titjib fl-istazzjonijiet f’Malta u Għawdex.
Dan filwaqt li l-Forzi Armati ta’ Malta se jkomplu jissaħħu b’ħelikopter u ajruplan ġodda sal-2028, u b’investiment inizjali ta’ aktar minn €10 miljun mis-sena d-dieħla. Se jkun hemm ukoll apparat ġdid u robot modern għad-dipartiment tal-bomb disposal.
Illum nistgħu nitkellmu b’aktar sens u nkoraġġiment dwar il-futur tas-sigurta f’kull forma tagħha f’pajjiżna. It-track record jitkellem waħdu. Minkejja li aħna pajjiż ċkejken bil-limitazzjonijiet tiegħu, b’danakollu illum nistgħu nitkellmu dwar il-futur f’dan il-qasam għaliex il-ħaddiema tagħna fis-settur jistgħu jħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu.
Nistgħu nitkellmu fuq il-futur għaliex hija l-politika ta’ pajjiżna li jibqa jkollu ekonomija b’saħħitha, ekonomija li tkompli tikber u trendi minn sena għal oħra. B’dan biss jista’ ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ikollhom serħan il-moħħ li s-sigurtà tagħhom u ta’ wliedhom hija mħarsa dejjem u kontinwament.

