Saturday, December 21, 2024

Tiskatta l-aħħar fażi tal-proċess tal-liċenzjar tal-Bennejja

Aqra wkoll

Il-Kumitat dwar il-liċenzjar tal-Bennejja jixtieq jinforma lill-applikanti ġodda, li applikaw għal-liċenzja tal-bennejja, li dan il-proċess wasal fil-fażi finali tiegħu.

Din hija riforma oħra bil-għan li ttejjeb is-Saħħa u s-Sigurtà ta’ dawk kollha li huma parti minn dan is-settur, il-benesseri tat-terzi li jmissu ma’ siti ta’ kostruzzjoni u kif ukoll dawk kollha li se jkunu qegħdin jinvestu fi propjetà.

Il-kisba tal-liċenzja se ssir permezz ta’ erba’ stadji differenti, li jinkludu laqgħat informattivi u edukattivi, sessjonijiet u eżamijiet.

Nhar il-15 ta’ Ottubru, ser ikunu qed jitgħellu żewġ laqgħat ta’ informazzjoni, bil-Malti u l-Ingliż, sabiex ikun spjegat il-proċess li ser jintuża għall-kisba ta’ din il-liċenzja u kif ukoll sabiex dak li jkun ikun jista’ jikseb aktar għarfien dwar l-eżamijiet li ser ikunu qed isiru fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-laqgħa bl-Ingliż se tkun qiegħda tittella’ fl-4:00 p.m., filwaqt li dik bil-Malti ser issir dakinhar stess fis-6:00 p.m. Il-Kumitat flimkien mal-Awtorità jirrakomandaw lill-applikanti kollha sabiex jattendu għal dawn il-laqgħat li ser issiru fl-Iskola Primarja Maria Reġina tal-Qawra.

L-applikanti ser ikunu wkoll obbligati jattendu erba’ sessjonijiet ta’ tagħlim bi preparazzjoni għall-eżamijiet b’rabta mal-kisba tal-liċenzja. Dawn is-sessjonijiet ta’ tagħlim ser ikunu qed jipprovdu lill-applikanti bl-informazzjoni bażika dwar il-ħiliet u l-għarfien li ser ikun mitlub fl-eżamijiet. Is-Sessjonijiet ser ikunu qed jitgħellu bejn it-22 u s-26 ta’ Ottubru, u ser ikunu provduti kemm bil-Malti u anke bl-Ingliż, skont ix-xewqa tal-applikant.

Dawk kollha li jkunu attendew għas-sessjonijiet ta’ tagħlim obbligatorju imbagħad ser ikunu mitluba jagħmlu żewġ eżamijiet, wieħed bil-kitba u ieħor tal-prattika. Għal dawn iż-żewġ eżamijiet mhux ser ikun permess l-użu tal-mobile.

Il-persuni kollha li kienu applikaw sabiex jiksbu din il-liċenzja qed jirċievu ittra bid-dettalji kollha meħtieġa. Dawk li għal xi raġuni ma rċevewx din l-ittra, għandhom jikkuntatjaw b’mod immedjat lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA).

“Din hi ħolqa oħra minn katina ta’ riformi li l-gvern għaddej bihom fis-settur tal-Kostruzzjoni, li ser iwasslu għal standards ogħla f’dan is-settur”, sostna l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan b’rabta ma’ dawn l-iżviluppi li se jwasslu biex għall-ewwel darba l-Awtorità se jkollha rendikont ta’ dawk li huma Bennejja liċenzjati u se tkun tista’ tgħin liċ-ċittadini jsibu dawk li huma bennejja liċenzjati.

Min-naħa tiegħu l-Aġent Kap Eżekuttiv, il-Perit Roderick Bonnici, qal kif l-Awtorità flimkien mal-Kumitat qed jaħdmu sabiex il-proċessi kollha għall-kisba tal-liċenzjar tal-Bennejja u anke tal-Kuntratturi, jkun wieħed rigoruż u effiċenti.

Il-Bennejja interessati għandhom jipprovdu koppja tal-Karta tal-Identità tagħhom lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni sa nhar it-Tlieta 15 ta’ Ottubru. Min ma jagħtix din il-kopja ser ikun meqjus li mhuwiex interessat ikompli bl-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-kisba ta’ din il-liċenzja.

Intant, kull min għandu bżonn jikseb aktar informazzjoni għandu jċempel lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni fuq in-numru 138.

Ekonomija

Sport