Monday, December 23, 2024

Tislima lill-inġinier Joe Amato … il-bniedem li għamel ħajtu fuq il-baħar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Lil Joe ilni nafu snin. Kien proprju xi 23 sena ilu, li  ltqajt miegħu għal ewwel darba. Il-post kien il-Marsa. Joe kien għamel magna li kienet taħdem b’mod innovattiv ħafna. Kien spjegalna fid-dettal kif taħdem. Minn hemm id-diskors waqa’ fuq is-settur marittimu. Għaddew is-snin. Ma Joe kont nitkellem sew fuq il-qasam marittimu u kif dan ikun qed jiżviluppa. Kien iċempilli u jirrakkontali fuq xi proġetti ġodda li jkun qed jaħdem fuqhom.

X’ħasda kienet ftit jiem ilu meta ġejt infurmat minn ħabib tiegħu li ddaħħal l-isptar ibati mill-Covid19. Sfortunatament Joe ma rnexxielux jirbaħ lil Covid19. Vittma oħra tagħha. Pajjiżna tilef persuna li tista’ ssejjaħlu awtorità fuq il-qasam marittimu. Inġinier per eċċellenza. Il-ħaddiema tat-tarznari li kienu jaħdmu miegħu jirrakkontawlek il-kapaċitajiet li kellu. Fuq kollox il-ġentilezza. Ispirazzjoni għal kull baħħar.

L-esperjenzi ta’ Joe inġabru fi ktieb, għalkemm kien hemm ħafna aktar x’jirrakkonta. Dwar dan konna intervistajna lil Joe ftit tas-snin ilu. 

Lil Joe, se nsellmulu billi nippubblikaw l-intervista li kien tagħna. Grazzi u saħħa Joe.

“Indur mal-baċir u jaqbiżli d-dmugħ – Joseph Amato

Għamel ħajtu fuq il-baħar. Tista’ tgħid li dar id-dinja abbord il-bastimenti. Inġinier marittimu li beda mit-tarzna u wara permezz ta’ l-esperjenza li kiseb hemm u firma falza, infetħulu opportunitajiet barra minn Malta.  Ħadem fuq għadd kbir ta’ bastimenti. Bħal kull ħaġa, l-inġinier Joseph Amato kellu esperjenzi sbieħ u oħrajn diffiċli u perikolużi. Jispikkaw dawk fejn tispiċċa tintbagħat f’port u l-merkanzija tkun tankijiet tal-gwerra u armamenti u esperjenzi waqt maltempati. Ma jonqsux li baqgħu f’moħħu xenarji mill-isbaħ li għadda minnhom. Minkejja kollox it-tarzna ta’ Malta u l-Malta Shipbuilding baqgħu f’moħħu. Meta ftit jiem ilu ltqajt miegħu u semmejtlu l-Malta Shipbuilding qalli, “‘Għadni sal-lum indur mal- baċir u jaqbiżli d-dmugħ.” Joseph Amato iddikjara li, “Il-weġġħat tagħna huma l-għeluq tat-tarznari speċjalment il-Malta Shipbuilding. Għadni nħoss in-nuqqas tagħha sal-lum. Ngħaddi minn hemm indur mal-baċir u jaqbiżli d-dmugħ. Dan għas-sempliċi raġuni għax hemmhekk rajna inġiniera, fitters, mekkaniks, u ħaddiema minn snajja’ differenti kollha jaħdmu u jirsistu għal skop wieħed li jipproduċu u jaslu għax-xogħol li għandhom. It-tarzna għadna nħossu n-nuqqas tagħha sal-lum. It-tarzna kienet organizzata, ġara li ġara, però t-tarzna setgħet tkun ħafna aktar vijabbli kummerċjalment għal Malta.”

Joe twieled fit-Tieni Gwerra Dinjija, eżattament fis-sena 1940. Peress li kienu mill-Belt Valletta, kienu spiċċaw evakwati lejn Għawdex. Fi tmiem il-gwerra, l-familja tiegħu marret tgħix f’dar li kellhom f’Tas-Sliema. Kien hawn li f’Joe bdiet tinbet il-ġibda lejn il-baħar. Kien jattendi l-Kulleġġ Santu Wistin u ħafna drabi kien jagħżel li jmur bid-dgħajsa minn Tas-Sliema lejn il-Belt. Fi tmiem il-ġimgħa missieru kien itih 3 pence x’jonfoq u hu kien imur fix-xatt tal-Gżira, jikri dgħajsa u permezz tagħha joqgħod iħares u jammira l-bastimenti navali Ingliżi.

Ma damx ma daħal jaħdem it-tarzna, fi żmien meta fiha kien hemm jaħdmu 10,900 ħaddiem. Hu kien għażel li jkun jifforma parti minn gang ta’ ‘fitters afloat’. Wara sentejn, kien assenjat biex imur fuq il-Naval Floating Dock AFD8. Il-paga dak iż-żmien kienet ta’ 30 xelin fil-ġimgħa.

Minkejja li kien qed jaħdem abbord il-bastimenti, il-ħolma tiegħu kienet li jbaħħar.

Ix-xewqa tiegħu kienet li jidħol kadett mal-Qawwa Navali Ingliża. Biex jagħmel dan ried il-firem tal-ġenituri tiegħu. Missieru li kien man-Navy, ma kellu ebda problema, iżda ommu bdiet tirrifjuta li tiffirma. Għalih din kienet daqqa ta’ ħarta kbira. Id-determinazzjoni u l-urġenza li kellu li jingħaqad mal-qawwa navali wasslitu fil-punt li ddeċieda li ma jiddiskuti ma’ ħadd.  Kif qabeż is-sittax-il sena, avviċina uffiċjal mill-Qawwa tal-Ajru Ingliża u dan qallu li ‘fitters’ dejjem ikollhom bżonn.

Qabad u mar f’uffiċċju tal-RAF fil-Belt u hemm iltaqa’ ma ħabib tiegħu. Ftehmu li jiffirmaw id-dokumenti ta’ xulxin anki l-parti fejn suppost iffirmaw il-ġenituri. Wara marru għand il-kappillan u dan iffirmalhom ukoll. L-għada stess kien irriżenja mit-tarzna. Kif stenna, ommu ma laqgħetx tajjeb din id-deċiżjoni.

L-erba’ snin li kellu malajr għaddew u hu spiċċa fit-toroq ta’ Londra bla xogħol. Kera kamra ma’ familja Taljana, imma l-ħsieb f’moħħu kien x’se jagħmel jekk jispiċċa bla flus.  “Kont waħdi fit-toroq ta’ Londra. Kont naħseb fuq li naħseb dwar x’se nagħmel.”  Jirrakkonta li kien hemm l-uffiċċju tas-Citizens Advice Bureau u żammu f’moħħu f’każ li jispiċċa bla flus. Mar l-RAF Rehabilitation Office u minn hemm sabulu impjieg bħala inġinier ma’ kumpanija tal-karozzi tal-linja.

“Il-ħajja issa kienet qed tittrattani aħjar. B’self żgħir xtrajt dar żgħira f’Kent ftit bogħod mit-tarzna ta’ Chatham. Kont ftit bogħod mix-xmara Thames u dan beda jixpruna fija mill-ġdid il-ġibda lejn il-baħar. 

Ma damx iżda ma reġa’ spiċċa fuq il-baħar u dan hekk kif il-bastiment Everard, kellu bżnn inġinier. Kif applika, bl-esperjenza li kellu ġie aċċettat mill-ewwel. Dan il-bastiment kien iġrr il-karta mill-baħar tat-Tramuntana lejn ir-Renju Unit, bil-baħħar Malti jiddeskrivi l-vjaġġi bħala li kienu iebsin ħafna’.

Abbord l-MV Speciality… tibqa’ f’moħħu ġlieda li ħalliet ħerba f’pub

Fost l-esperjenzi li jibqgħu f’moħħ Joe hemm dawk ta’ meta l-bastiment wara ġimgħat ibaħħar kien jidħol f’xi port.  Id-divertiment tal-baħrin ma kienx jonqos. Xi ħaġa li jibqa’ jiftakar kienet seħħet fil-port ta’ Limerick eżattament fil-Ma Ryans’ Bar. F’dan il-bar inqalgħet ġlieda bejn il-baħħar tal-MV Speciality u dawk ta’ MV Centurity. Il-bar spiċċa frakass b’xi baħħara anke spiċċaw l-isptar. Il-ġlieda nqalgħet minħabba n-nisa.

Wara esperjenza qasira ma’ Shell Tankers, il-baħħar Malti spiċċa impjegat ma’ kumpanija Ġermaniża, Hansa Line. Ġie assenjat fuq il-bastiment Westfalia.  Il-kaptan, meta kien ferm iżgħar kien jifforma parti mill-Hitler Naval Boys Brigade. Kienet is-sena 1970, iżda l-kaptan xorta  kienu għadu jaħseb li l-gwerra kienet għadha ma ntemmitx tant li kien għadu jilbes is-salib tal-ħadid. Matul il-vjaġġ, il-Kaptan Heinrich Hinze kien idoqq il-marċi militari tat-Third Reich u għal siegħa sħiħa kien idoqq id-Deutschland Uber Alles – l-innu nazzjonali Ġermaniż”.

Lill-baħħar Malti kien isejjaħlu l-Englander Chief u xejn ma kienet tinżillu li abbord kellu lil xi ħadd b’passaport Ingliż.  Fuq l-istess bastiment kien hemm ukoll uffiċjal iehor Ġermaniż, Ralph li kien riservat ħafna. Kien Joe nnifsu li għamel l-ewwel pass biex isir jafu aħjar u dan billi mar fil-kabina tiegħu.

Ralph mill-ewwel spjegalu li l-Ingliżi xejn ma kienu jinżlulu. Jistaqsih x’inhi r-raġuni għal dan, u hu jkun pront jgħolli l-flokk. Hemmhekk seta’ jara marka ta’ ferita. L-istorja warajha tmur lura għat-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-sottomarin li kien fuqu ċeda f’Aalborg. Meta Ralph ħareġ mis-sottomarin baħri Ingliż sparalu għax ħasbu se jispara. Ittieħed lejn sptar Ingliż fejn kien ikkurat u hemm iltaqa’ ma’ infermiera Ingliża li wara iżżewwiġha.

L-avventura li kien imiss seħħet fuq il-bastiment Sunny Bettina. Dan bħal bastiment kien ibaħħar lejn l-Amerika Latina. Il-kaptan kien Daniż, fejn waqt vjaġġ li kien jinkludi waqfa f’Port Arthur f’Texas wasslet biex il-bastiment inkalja u kellu jqatta’ xejn inqas minn erba’ xhur f’tarzna f’Texas.

Għal sitt ijiem sħaħ maqbudin f’urugan… ‘tlabt meta għaddejna mill-Bermuda Triangle’

Joe jirrakkonta esperjenza tal-biża li kellu fuq il-bastiment MT Spes, fejn waqt li dan kien qed ibaħħar fl-Atlantiku nqabdu f’urugan. Il-bastiment mexa bil-mod ħafna u mgħobbi kif kien f’dik il-maltempata, ħolqot sitwazzjoni ta’ tensjoni fl-ekwipaġġ. Wara tlett ijiem f’din is-sitwazzjoni diffiċli l-ekwipaġġ kien imsejjaħ mill-kaptan u ġiet spjegata is-sitwazzjoni. Il-baħrin kollha ngħataw il-passaport.  Kien mument ta’ tensjoni kbira. Ikel, gvieret u life vests, flimkien ma’ flares tpoġġew fuq il-bridge tal-bastiment għal li jista’ jinqala’. Il-Gwardji tal-Kosta kienu nfurmati bid-diffikultajiet li kien fihom l-bastiment.  Joe Amato jirrakkonta kif dawk kienu sitt ijiem bla rqad. Ma jonqosx li jirrimarka li meta l-bastiment kien se jgħaddi mill-Bermuda Triangle – post li fih għebu ħafna bastimenti, hu niżel għarkobbtejh jitlob.

L-inġinier Amato fl-avventuri tiegħu fuq il-baħar, baħħar f’kull rokna tad-dinja. Imma fix-xogħol tiegħu, ġieli tqabbad xogħol, li mhux biss ma kienx faċli iżda ukoll perikoluż. Każ simili seħħ meta kien hemm ħsara fuq il-bastiment Sabratha. Kien ġie deċiż li l-bastiment kellu bżonn  żewġ ‘airbrakes contactors elettriċi. L-uniku tarzna li kellha dawn kienet dik ta’ Rostock fil-lvant tal-Ġermanja. Ma kienx faċli li mill-Punent tidħol fil-Lvant tal-Ġermanja. Il-kumpanija li kienet Ġermaniża ddeċidiet li tibgħat lil xi ħadd b’passaport Ingliż u b’liċenza tas-sewqan internazzjonali. Amato kellu t-tnejn li huma u għalhekk kien għażla awtomatika.

Bejn u bejn ruħu kien jaf li mhix faċli b’mod partikolari biex tgħaddi miċ-checkpoint. Telaq lejn l-ajruport ta’ Rotterdam u ħdejn il-lukanda f’Hamburg li fiha għadda lejl sab karozza BMW 520i tistennih. Baqa’ skantat għax kien għadu qatt ma saq waħda bħalha. Fil-bagoll kellu 2 coolers kbar mimlijin ikel u birra.  Kellu ukll $10,000 u 5,000 DM. Kollegi mill-kumpanija awgurawlu li kollox imur sew.  Saq lejn Grevesmulhen, fejn hemmhekk kien hemm ic-checkpoint. Hawnhekk, ġie assenjat miegħu uffiċjal tas-sigurtà armat. Dan ma kienx jaf kelma bl-Ingliż u l-kuntatt bejniethom kien bis-sinjali. L-uniċi drabi li rah jitbissem kien meta tah il-birra jew l-ikel.

Fil-vjaġġ tagħhom lejn Rostock, waqfu f’Satom u qattgħu l-lejl f’lukanda. Bl-uffiċjal tas-sigurtà b’għajnejh fuq il-fajl b’dokumenti li kellu l-inġinier. L-uffiċjal akkumpanjah sal-kamra tiegħu. Wara hu mar intasab fuq pultruna fejn il-bieb tal-lukanda, biex bħal donnu jkun ċert li dan ma jħallix il-lukanda.  L-għada f’nofsinhar kien fit-tarzna ta’ Rostock. Fl-entratura tat-tarzna, l-uffiċjal tas-sigurtà li kellu miegħu intalab jinżel mill-karozza.  L-inġinier Malti ittieħed fil-kwartieri, fejn matul it-triq spikkaw l-ħaddiema jħarsu lejn il-karozza BMW.  Ingħata l-ispare parts li mar għalihom u ħallas $6,000.  Saq lura lejn il-grada, għabba lill-uffiċjal tas-sigurtà li kien qed jistennieh u beda l-vjaġġ lura. Moħħu kien il-ħin kollu jaħseb biex itemm din il-ħidma kemm jista’ jkun malajr. Finalment għadda miċ-checkpoint ħalla lill-uffiċjal tas-sigurtà hemm u baqa’ sejjer fi triqtu.

Maqbud fi Tripli fl-attakki Amerikani…kenn lil tfal u sorijiet wara ċiklun

Esperjenza li tibqa’ f’moħħ l-inġinier Malti kienet dik waqt vjaġġ li wassalhom fil-port a’ Puert Cortez. Il-baħrin niżlu l-art jixorbu fis-soltu ‘Bar Aalborg’, imma wara xi ħin il-kaptan ordna li dawn jinġabu lura. Ried isalpa, minħabba li kien riesaq ċiklun lejn il-Ġamajka.  Baħħru f’temp qasir imma d-dipressjoni intensifikat, tant li spiċċaw f’nofs iċ-ċiklun li kien ingħata l-isem ta’ ‘Fifi’. Ix-xita tant kienet qawwija, li l-inġinier Amato jiddeskriviha bħala li “qatt ma kont rajt bħalha. Il-membri tal-ekwipaġġ kollha ngħataw struzzjonijiet biex ma joħorġux mill-kabini. Kien lejl twil li ma ninsew qatt.

“L-għada filgħodu kien il-Ħadd, b’riħ qawwi u aħna f’nofs iċ-ċiklun. Konna qed nieħdu ħsieb il-makkinarju u l-apparat biex ikun fi stat tajjeb, waqt li nqawwu qalb xulxin. L-ebda wieħed minnha ma kien esperjenza maltempata bħal dik qabel. Il-kuntatt ma’ Belize u Grand Cayman kienet tajba. Kien il-weekend ta’ wara meta l-bastiment irritorna f’Puerto Cortez. Kif rajna l-port ma stajniex nemmnu lil għajnejna. Kien hemm katastrofi sħiħa.  Stajna naraw qerda sħiħa għal tul ta’ kilometri sħaħ.  Meta konna hemm ġejna mitlubin joffru kenn lil xejn inqas minn 20 tfal u erba’ sorijiet. Dawn spiċċaw bil-kunvent u l-iskola meqrudin.  Il-bastiment spiċċa mibdul fi skola. Xi wħud mill-membri tal-ekwipaġġ niżlu l-art u ġew lura jirrakkontaw stejjer tal-biża ta’ dak li raw. Il-bar Alborg kien sparixxa ukoll.”

Ma jonqosx li jirrakkonta dak li seħħ f’April tas-sena 1986, meta l-Istati Uniti attakk il-Libja. L-inġinier Malti dakinhar kien abbord l-MV Garyounis f’nofs il-port ta’ Tripli. 

“Ġejna mqajmin filgħodu kmieni minn ajruplani Amerikani jtiru fil-baxx. Tlajt fuq il-bridge u rajt l-ewwel attakki fuq Tajoura. Kien hemm konfużjoni sħiħa fi Tripli. Fuq il-Garyounis kellna helipad li kienet tidher minn ħafna mili bogħod. Għattejnieh u ndunajna li l-ekwipaġġ Libjan kien telaq minn fuq il-bastiment. Kien lejl diffiċli b’ħafna daqq ta’ ħornijiet. Morna nġibu xi ikel u ilma. Eżatt ma’ ġenb il-bastiment inġabet frejgata tal-qawwa navali Libjana. Kien hemm il-bastiment Malti bl-isem ta’ ‘Qormi’. Stajt ġejt miegħu lejn Malta, iżda ppreferejt li nibqa’ fuq il-Garyounis. Wara xi ġimgħa, l-ekwipaġġ tal-frejġata Libjana riedu jistartjaw l-magni. Għennihom u ġew startjati. Filgħaxija ġie jżurna l-Kmandant Navali u bqajna skantati meta r-rigal ta’ apprezzament li ngħatajna kien flixkun whisky ‘Haig’.

Joe, f’karriera twila fuq il-baħar dejjem żamm kont ta’ dak li kien jgħaddi minnu. L-esperenzi tiegħu għadhom kif inħarġu fi ktieb u fil-futur mistenni jinħareġ ktieb iehor.

Fi kliemu stess, it-tbaħħir jieħdok lejn ix-xefaq u lil hinn minnu. “Fl-età tiegħi fejn llum għandi 75 sena, għadni qed inħares ‘il quddiem, li nbaħħar bejn il-baħar u s-sema blu, fejn irrispettivament mit-temp, jien inħossni komdu.”

Ekonomija

Sport