Tuesday, April 22, 2025

TISLIMA LILL-PAPA FRANĠISKU

Aqra wkoll

Kif kien xieraq u mistenni l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż taw tislima lill-Papa Franġisku f’jum il-mewt tiegħu lbieraħ. Il-mewta tiegħu ħasdet lill-Kattoliċi madwar id-dinja kollha peress li sal-Ħadd li għadda stess deher fil-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan biex isellem lill-folla u jawguralhom l-Għid it-Tajjeb.

Għalkemm deher ċar li l-Papa kien batut, tant li d-diskors tiegħu waqt l-Urbo et Orbi ta’ Ħadd il-Għid inqara mill-Arċisqof Diego Ravelli, ħadd ma kien qed jistenna li kien se jmut hekk malajr. Bla dubju, Papa Franġisku, minbarra li se jibqa’ mfakkar għall-umiltà tiegħu, se jibqa’ mfakkar f’pajjiżna għaż-żjara appostolika li għamel tliet snin ilu.

B’rispett lejn il-persuna ta’ Papa Franġisku, l-ogħla awtoritajiet ta’ pajjiżna li lkoll f’dak li qalu ħarsu lejh bħala l-mexxej spiritwali li ma waqaf qatt jappella għall-kisba tal-paċi madwar id-dinja kollha, partikolarment iż-żewġ gwerer ta’ bħalissa fil-Lvant Nofsani u fl-Ukrajna kif ukoll kunflitti oħra li għadhom għaddejjin f’diversi nħawi u reġjuni tad-dinja. 

Fi kliem l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, il-Papa Franġisku għandna nibqgħu niftakruh bħala missjunarju kbir tal-ħniena tal-Mulej għaliex il-Pastorali tiegħu dejjem kienet li jkun qrib dawk li għandhom bżonn il-ħniena ta’ Alla. 

Dan is-sentiment urewh ukoll in-nies li tkellimna magħhom li lkoll kienu tal-istess fehma dwar il-kariżma li kellu l-Papa u l-mod umli li bih kien jiġbed in-nies lejh. Wara disat ijiem ta’ luttu u d-difna tal-Papa, il-Kardinali se jiltaqgħu f’konklavi biex jagħżlu s-suċċessur tiegħu u l-Kap tal-Knisja Kattolika għaż-żmien li ġej. 

It-tmexxija tal-Knisja se tmur f’idejn il-Kulleġġ tal-Kardinali sakemm jiġi magħżul Papa ieħor. Bħalissa hemm 252 Kardinal, li 138 minnhom huma eleġibbli biex jivvutaw fil-ħatra tal-Papa. Fil-jiem li ġejjin, il-Kardinali se jiltaqgħu fil-Vatikan f’Konklavi kif inhi magħrufa l-elezzjoni għall-Papa.

Nittamaw illi l-267 Papa jkompli jimxi fuq il-passi ta’ Papa Franġisku f’dik li hija umiltà, imħabba għall-batut u l-emarġinat u l-karba għall-paċi dejjiema fid-dinja kollha. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport