Thursday, February 20, 2025

Tispikka i-dgħjufija tal-UE fil-politika internazzjonali…. waqt li l-popoliżmu jiġi mbuttat ‘lquddiem

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem, kif kien mistenni u kif kienu ilhom jidhru l-indikazzjonijiet, waqt li l-mexxejja Ewropej iltaqgħu f’Pariġi sar magħruf li l-Unjoni Ewropea mhux se jkollha sehem fit-taħdidiet għal waqfien mill-ġlied bejn ir-Russja u l-Ukrajna, liema gwerra kienet ilha snin tifforma bil-mod il-mod sakemm imbagħad bdiet bl-invażjoni mir-Russja li saret fi Frar tas-sena 2022. It-taħdidiet għall-paċi se jsiru direttament bejn ir-Russja u l-Istati Uniti.

L-esklużjoni tal-Unjoni Ewropea juri għal darba oħra l-falliment tal-Unjoni Ewropea fit-tentattivi tagħha biex tħalli impatt fil-qasam tal-politika barranija. Ilha snin tipprova tilħaq dan il-għan imma dan dejjem falla u ma rnexxiex.

Illum għal darba oħra qegħdin naraw kwistjoni oħra fejn l-Unjoni Ewropea spiċċat maqsuma fejn tidħol il-politika barranija. Għandna sitwazzjoni fejn il-President Ukren Volodymyr Zelensky talab garanzija ta’ sigurtà mill-pajjiżi Ewropej, iżda għal dan ftit li xejn intwera entużjażmu. Jidher ċar li l-Ewropa hi mifruda fuq dan.

Ma naqsux id-dikjarazzjonijiet stunati u kontradittorji mal-bażi tal-Unjoni Ewropea. Id-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, li ddikjarat li l-kwistjoni tal-Ukrajna hi kwistjoni li tolqot il-pajjiżi kollha. U għal darba oħra, din l-Unjoni Ewropea ibbażata suppost fuq is-solidarjetà u fuq il-fatt li qatt aktar ma jkun hemm gwerra fl-Ewropa, terġa’ tiddikjara u b’ċertu insistenza li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn issaħħaħ id-difiża tagħha. Dan billi tiżdied in-nefqa militari.

M’hemm ebda dubju li r-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qatt ma kienu agħar. Jinsabu fl-agħar livell. Dan jikkonfermah imbagħad żvilupp ieħor, inkwetanti. Żvilupp li se jkun qed jimbotta ‘lquddiem il-popoliżmu u n-nazzjonaliżmu estrem.

Kellna id-diskors tal-Viċi President tal-Istati Uniti, JD Vance fil-konferenza dwar is-sigurtà fi Munich. Hu għamel dikjarazzjoni li fiha x’tomgħod. Qal li “hemm Sheriff ġdid fil-belt taħt it-tmexxija ta’ Donald Trump,”. Dikjarazzjoni li ftit ħin wara ġabet il-kundanna tal-Ministru tad-Difiża Ġermaniż Boris Pistorius, li ddeskriviha bħala ‘inaċċettabbli”.
Il-President Amerikan kompla fuq dan ftit ħin wara. Ovvajment dan ma sarx b’kumbinazzjoni imma tidher li hi strateġija maħsuba. Iddikjara li “smajt id-diskors tiegħu. Tkellem dwar il-libertà tal-kelma. U naħseb li huwa minnu fl-Ewropa. Qed jitilfu d-dritt meraviljuż tagħhom tal-libertà tal-kelma.”

Quddiem dan kellek dikjarazzjoni oħra iebsa mill-President Ġermaniż Frank-Walter Steinmeier, li ma qgħadx jomogħdha u għamilha ċara li r-relazzjoni ta’ Berlin ma’ Washington marret għall-agħar sew mir-ritorn ta’ Trump.

Vance fi Munich kompla kixef aktar dak li hemm ippjanat. Dak li tfassal u dak li qed jinħema.

Ħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropej, biex “ibiddlu r-rotta” dwar l-immigrazzjoni. Rimarki popolisti li saru proprju fiż-żmien meta żagħżugħ Afgan ta’ 24 sena ġie arrestat fi Munich minħabba attakk ta’ karozza li darab 36 persuna. Narrattiva populista li issa qegħdin narawha iżżid id-doża u anke tissemma b’mod insistenti f’konferenzi bħal dik li kien hemm fi Munich.

Ovvajment, quddiem dawn id-dikjarazzjonijiet, wieħed irid iżomm f’moħħu li Vance iltaqa’ mat-tmexxija tal-Allejanza tal-Lemin Estrem fil-Ġermanja (AfD).

Vance ma waqafx hemm. Saħansitra iddefenda lill-partiti politiċi li jopponu l-immigrazzjoni u lill-partitarji tagħhom.

U dawn id-dikjarazzjoni populisti intiżi biex jilagħbu fuq is-sentimenti u l-biżgħat ta’ sezzjonijiet tal-poplu saru fi żmien kruċjali. Saru proprju disat ijiem qbel issir l-elezzjoni fil-Ġermanja. Dan mhu xejn għajr indħil. Ma’ dan wieħed irid iżomm f’moħħu li l-AfD rċeviet appoġġ mill-biljunarju tat-teknoloġija u alleat ta’ Trump, Elon Musk.

U minn hemm imbagħad tkellem ukoll fuq l-għadu llum. Enfasizza li l-għadu mhux ir-Russja jew iċ-Ċina. L-għadu tal-Unjoni Ewropea hu wieħed intern. Fi kliemu stess, dan l-għadu intern huma dawk li qegħdin jimminaw il-valuri Ewropej.

U hawnhekk proprju jinkixef il-ħsieb kollu u dak li għaddej. Il-popolisti għal amministrazzjoni Amerikana mhux problema. Il-lemin estrem mhux problema. Anzi dawk qed ituhom l-appoġġ b’kull mezz anki finanzjarju.

U għalkemm ma jissemmewx b’mod dirett, ma tridx tkun għaref wisq biex tintebaħ li l-għadu li qiegħed jitkellem fuqu mhuma ħadd għajr il-partiti, l-attivisti u l-għaqdiet li jirreżistu l-popoliżmu u l-lemin estrem. Lemin estrem li minħabba fih refa’ rasu sew ir-razziżmu.

Dan ifisser ħaġa waħda li għall-amministrazzjoni tal-Istati Uniti l-għadu huma dawk li jħarsu id-drittijiet umani. Dawk li jaqbżu u jgħinu lill-immigranti. Is-solidarjetà li hi bbażata fuqha l-Unjoni Ewropea, id-drittijiet umani, saru l-għadu u l-problema.

Jekk din mhix sitwazzjoni surreali ma nafux x’inhi. Meta qegħdin tmenin sena mindu n-Nażisti tilfu l-gwerra u l-Ewropa inħelset, illum qegħdin naraw din in-narrattiva inumana.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport