Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi kompla jsaħħaħ il-kollaborazzjoni ma’ għaqdiet volontarji li jaħdmu fis-settur tas-salvataġġ. Dawn l-għaqdiet mhux biss isibu ċ-ċans ta’ koperazzjoni, partikolarment mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, iżda ngħataw ukoll għotja finanzjarja maħsuba biex tgħin fl-operat tagħhom.
F’taħdita mal-Ministru Byron Camilleri, rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tkellmu dwar il-ħidma li jwettqu u kif irnexxielhom jiffaċċjaw din is-sena, li kienet waħda partikolari minħabba l-pandemija.
F’din l-okkażjoni, il-Ministru Camilleri ppreżenta aktar minn €38,000 f’għotjiet lil seba’ entitajiet. Sa ftit snin ilu kienet entità waħda li kienet tieħu din it-tip ta’ għajnuna iżda llum din l-għajnuna qed tinfirex iktar.
Il-Ministru Camilleri qal li kienet tassew okkażjoni sabiħa fejn iltaqa’ ma’ għaqdiet volontarji li jagħtu sehem fl-oqsma tas-salvataġġ u l-ewwel għajnuna, fost l-oħrajn. “Tkellimna dwar il-kontribut tagħhom, is-sehem li taw tul din is-sena u l-pjanijiet li għandhom għall-futur. Ippreżentajt ukoll għotjiet lid-diversi għaqdiet u li flimkien ilaħħqu tmienja u tletin elf ewro. Filwaqt li ninvestu ferm fir-riżorsi tagħna bħala pajjiż, inqisu lis-soċjetà ċivili bħala sieħeb importanti. Għal dan l-għan nappoġġaw lil dawn l-NGOs u anke nsostnuhom biex iwettqu iktar proġetti. Jiena nħeġġeġ lin-nies jersqu lejhom u jagħtu ftit ħin volontarjat. Dan għax il-ħidma fi ħdanhom tagħti sodisfazzjon kbir”, qal il-Ministru Camilleri.