Saturday, December 28, 2024

TISSOKTA R-RIFORMA DWAR L-UŻU RESPONSABBLI TAL-KANNABIS F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Fi ftit jiem oħra, preċiżament nhar it-Tlieta 28 ta’ Frar se jinfetħu l-applikazzjonijiet li jippermettu t-twaqqif u l-liċenzjar biex għaqdiet u assoċjazzjonijiet ikunu jistgħu jikkultivaw u jbigħu l-kannabis, mhux għall-profitt, lill-membri tagħhom. Din hija waħda mir-riformi li twettqu f’pajjiżna li kienet tinkludi wkoll id-dekriminalizzazzjoni tal-użu tal-kannabis.

Ma kellniex dubju anzi konna qed nistennew li fil-bidu tagħha din ir-riforma kienet se tqanqal xi ftit tal-kontroversja bejn min kien assolutament kontriha u dawk li rawha bħala żvilupp ieħor fil-mixja tal-libertajiet taċ-ċittadini f’pajjiżna.

Taqbel jew ma taqbilx magħha, din ir-riforma primarjament hija mmirata li teqred it-traffikar u l-użu illegali tal-kannabis fl-istess waqt li tikkontrolla t-tkabbir, il-bejgħ u fuq kollox il-kwalità tal-kannabis li tkun fis-suq.

Notevoli huwa l-fatt li fost il-kriterji li jridu jkunu sodisfatti b’mod riġidu biex tinħareġ liċenzja hemm li l-amministraturi tal-għaqdiet ma jistax ikollhom passat kriminali marbut ma’ ħasil ta’ flus. Dan nemmnu li huwa wieħed mis-salvagwardji kontra xi interessi li jkunu ‘l barra mill-konfini tar-riforma dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.

Ninnutaw ukoll b’sodisfazzjon illi mhux se jkun tollerat li jsiru riklami jew li jkun promoss it-turiżmu tal-kannabis. Dan se jsir fil-kuntest li l-Awtorità se tkun responsabbli għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-linji gwida li jridu jimxu magħhom l-assoċjazzjonijiet li jingħataw liċenzja.

Ta’ min wieħed jirrimarka illi kull sena jrid isir rapport finanzjarju awditjat li jrid jintbagħat lill-Awtorità. Kull assoċjazzjoni se tkun obbligata li tisħaq u tagħti importanza fuq harm-reduction qabel kull interessi oħra, hekk kif stipulati fil-liġi.
Nemmnu wkoll li kif qal ftit ilu c-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, Leonid McKay, dan huwa pass ieħor importanti minħabba l-fatt li f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern nieda diversi riformi fil-qasam tal-kannabis inkluż fil-qasam mediċinali.

Ma nistgħux ma nsemmux, kif ġie rappurtat, illi l-mudell li nidiet l-Awtorità ġie mfaħħar ukoll mill-Fondazzjoni Transform Drug Policy tar-Renju Unit meta uffiċjal tagħha ddeskriva l-mod ta’ kif qed tiġi regolat l-użu tal-kannabis f’Malta, bħala mod li r-riskji marbutin mal-użu tal-kannabis se jkunu qed jiġu indirizzati kif meħtieġ.

Ekonomija

Sport