Tuesday, December 24, 2024

Titfakkar il-memorja tal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila

Aqra wkoll

Dalgħodu saret ċerimonja speċjali biex titfakkar il-memorja tal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila. Dun Karm, twieled f’Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 ta’ Ottubru fl-1871 u miet fl-1961.

Din iċ-ċerimonja saret quddiem il-monument iddedikat għall-poeta nazzjonali li jinsab il-Floriana.

Dun Karm, ġgant letterarju, jibqa’ magħruf għall-imħabba tiegħu lejn pajjiżna u kif permezz ta’ kitbietu, ħeġġeġ biex pajjiżna jitmexxa mill-Maltin, b’ħelsien sħiħ minn qawwiet barranin li tul l-istorja ħakmu pajjiżna. 

Waqt iċ-ċerimonja, l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, tkellem dwar kif Dun Karm emmen bis-sħiħ li l-Maltin jistħoqqilhom jgħixu f’pajjiż indipendenti. Dan għamlu permezz ta’ kitbietu li huma l-legat imprezzabbli li ħallielna Dun Karm, liema legat jibqa’ jitgawda minn ġenerazzjoni għal oħra.

Il-Ministru Bonnici spjega kif l-impenn ta’ Dun Karm lejn il-libertà u s-sovranità tal-pajjiż jinħass ukoll fl-innu tiegħu tal-1921, Lil Poplu Malti, miktub fl-okkażjoni tal-għoti tal-Kostituzzjoni.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm s-Sindku tal-Floriana Nigel Holland u membri tal-Kunsill Lokali, il-Professur Joe Borg, rappreżentanti mill-Akkademja tal-Malti u l-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius.

Din l-attività kienet parti minn sensiela ta’ avvenimenti mfassla biex ifakkru l-wirt letterarju u storiku tal-poeta nazzjonali Dun Karm, li ta kontribut imprezzabbli lejn l-identità u l-kultura Maltija.

Ekonomija

Sport