Sunday, May 19, 2024

Titħabbar il-mewt tal-eks president tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev

Aqra wkoll

Mikhail Gorbachev, l-eks mexxej Sovjetiku li ġab fi tmiemha l-Gwerra Bierda b’mod paċifiku, miet fl-età ta’ 91 sena. Gorbachev, l-arkitett tal-Peresttroika u l-Glasnost, kien fetaħ l-Unjoni Sovjetika għad-dinja u introduċa sett ta’ riformi kbar. L-istess riformi iżda ma setgħux jipprevjenu l-kollass bil-mod il-mod tal-Unjoni Sovjetika, li minnha ħarġet ir-Russja moderna.

Huwa ngħata ġieħ madwar id-dinja, bis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjionijiet Uniti António Guterres jgħid li “Gorbachev bidel il-kors tal-istorja” u qal ukoll li “id-dinja tilfet mexxej globali enormi, multilateralista impenjat, u avukat bla heda għall-paċi.”

Il-President Russu Vladimir Putin esprima l-kondoljanzi profondi tiegħu wara l-mewt ta’ Gorbachev.

Il-President Amerikan Joe Biden sejjaħlu bħala “mexxej rari” u faħħar lil Gorbachev bħala politiku uniku li fost it-tensjonijiet tal-Gwerra Bierda kellu “l-immaġinazzjoni li jara li futur differenti kien possibbli” .

l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen faħħritu bħala “mexxej fdat u rispettat li fetaħ it-triq għal Ewropa ħielsa” u sostniet li l-wirt li ħalla huwa wieħed li mhux se jintnesa maqlajr.

Madankollu, ħafna Russi, l-iktar il-konservattivi kommunisti, ma ħafrulu qatt għat-taqlib kbir li seħħ wara l-kollass ta’ dik li kienet l-Unjoni Sovjeta. 

Mikhail Gorbachev kien inħatar segretarju ġenerali tal-Partit Komunista Sovjetiku, u mexxej de facto tal-pajjiż, fl-1985. Dak iż-żmien, kellu 54 sena – l-iżgħar membru tal-kunsill governattiv magħruf bħala l-Politburo, u kien meqjus bħala nifs frisk wara diversi mexxejja li kienu qed jixjieħu.  Il-predeċessur tiegħu, Konstantin Chernenko, kien miet fl-eta’ ta’ 73 sena wara ftit aktar minn sena fil-kariga.

Gorbachev, iżda ma rnexxielux jasal għall-poter li jfittex li jtemm il-ħakma Sovjetika fuq l-Ewropa tal-Lvant. Pjuttost, huwa ttama li jagħti ħajja ġdida lis-soċjetà tagħha.

L-ekonomija Sovjetika kienet ilha tissielet għal snin twal biex tlaħħaq mal-Istati Uniti u l-politika tiegħu tal-Perestroika fittxet li tintroduċi xi riformi li jixbħu s-suq fis-sistema mmexxija mill-istat.

Internazzjonalment huwa laħaq ftehimiet dwar il-kontroll tal-armi mal-Istati Uniti, irrifjuta li jintervjeni meta l-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa qamu kontra l-ħakkiema Komunisti tagħhom u temmew il-gwerra mdemmija Sovjetika fl-Afganistan li kienet bdiet mill-1979.

Sadanittant, il-politika tiegħu ta’ glasnost, jew ftuħ, ippermettiet lin-nies jikkritikaw lill-gvern b’mod li qabel kien inkonċepibbli. Iżda ħarġet ukoll sentimenti nazzjonalisti f’ħafna reġjuni tal-pajjiż li eventwalment imminaw l-istabbiltà tal-pajjiż u wasslu għall-kollass tiegħu.

Fl-1991, wara li falla kolp ta’ stat organizzat b’mod konfuż minn nies ‘hardliners’ komunisti, Gorbachev kellu jaċċetta li jxolji l-Unjoni Sovjetika u telaq mill-kariga.

Fil-Punent huwa meqjus bħala arkitett tar-riforma li ħolqot il-kundizzjonijiet għat-tmiem tal-Gwerra Bierda fl-1991 – żmien ta’ tensjonijiet profondi bejn l-Unjoni Sovjetika u n-nazzjonijiet tal-Punent, inklużi l-Istati Uniti u l-Gran Brittanja.

Huwa ngħata l-Premju Nobel għall-Paċi fl-1990 għar-irwol ewlieni li kellu fil-bidliet radikali fir-relazzjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent. Iżda fir-Russja l-ġdida li ħarġet wara l-1991 huwa kien wasal fit-tarf ta’ politika li tiffoka fuq proġetti edukattivi u umanitarji.

Analisti politiċi internazznjonali ta’ dak iż-żmien, fakkru li Gorbachev għamel tentattiv biex jirritorna għall-ħajja politika fl-1996, u rċieva biss 0.5% tal-voti fl-elezzjonijiet presidenzjali.

Henry Kissinger, li serva bħala Segretarju tal-Istat Amerikan taħt il-President Richard Nixon, qal lill-programm Newsnight tal-BBC li Gorbachev se jibqa mfakkar fl-istorja bħala bniedem li beda trasformazzjonijiet storiċi li kienu ta’ benefiċċju għall-umanità u għall-poplu Russu.

James Baker ex Segretarju tal-Istat Amerikan, li nnegozja r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja mal-gvern ta’ Gorbachev, irrimarka man-New York Times li l-istorja se tiftakar lil Mikhail Gorbachev bħala ġgant li mexxa n-nazzjon il-kbir tiegħu lejn id-demokrazija.

Mill-banda l-oħra, Vladimir Rogov, uffiċjal maħtur mir-Russja fl-Ukrajna okkupata, iddeskrieva lil Gorbachev bħala “li mexxa deliberatament lill-Unjoni Sovjetika għall-mewt tagħha” u sejjaħlu traditur.

Mikhail Gorbachev se jkun midfun fiċ-ċimiterju Novodevichy ta’ Moska, il-post ta’ mistrieħ ta’ ħafna Russi prominenti, ħdejn martu Raisa li mietet bil-lewkimja fl-1999.

Huwa ppresieda fuq ix-xoljiment ta’ Unjoni Sovjetika li kienet ilha teżisti għal kważi 70 sena u li kienet iddominat meded kbar ta’ l-Asja u l-Ewropa tal-Lvant.

Madankollu, meta stabbilixxa l-programm tiegħu ta’ riformi fl-1985, l-unika intenzjoni tiegħu kienet li jerġa’ jqajjem l-ekonomija staġnata ta’ pajjiżu u jbiddel il-proċessi politiċi tagħha.

L-isforzi tiegħu saru l-katalist għal sensiela ta’ avvenimenti li ġabu fit-tmiem il-ħakma komunista, mhux biss fi ħdan l-Unjoni Sovjetika, iżda wkoll fl-istati satelliti preċedenti tagħha.

Mikhail Sergeyevich Gorbachev twieled fit-2 ta’ Marzu 1931 fir-reġjun ta’ Stavropol fin-Nofsinhar tar-Russja. Il-ġenituri tiegħu t-tnejn ħadmu f’irziezet kollettivi. 

Saż-żmien li ggradwa mill-Università Statali ta ‘Moska fl-1955 kien membru attiv tal-Partit Komunista.

Mar-ritorn tiegħu f’ Stavropol mal-mara l-ġdida tiegħu Raisa, huwa beda b’għaġġla r-riforma tal-istruttura tal-partit reġjonali.

Gorbachev kien wieħed minn ġenerazzjoni ġdida ta’ attivisti tal-partit li saru dejjem aktar paċenċjużi mal-figuri li li kienu qed jixjieħu fil-quċċata tal-ġerarkija Sovjetika.

Sal-1961 kien segretarju reġjonali tal-Lega Komunista Żgħażagħ u kien sar delegat għall-Kungress tal-Partit.

Ir-rwol tiegħu bħala amministratur agrikolu tah l-opportunità li jintroduċi innovazzjonijiet u dan, flimkien mal-istatus tiegħu fil-partit, tah influwenza konsiderevoli fir-reġjun.

L-ewwel kompitu tiegħu kien li jqajjem l-ekonomija Sovjetika li kienet moribunda kważi sal-punt tal-kollass.

Kien ukoll għaqli biżżejjed biex jifhem il-ħtieġa li jkun hemm riforma mill-għeruq u l-fergħat tal-Partit Komunista nnifsu jekk ir-riformi ekonomiċi tiegħu kellhom jirnexxu.

Is-soluzzjoni ta’ Gorbachev ġabet żewġ kelmiet Russi f’użu komuni tal-vokabularju. Qal li l-pajjiż kellu bżonn il-“perestroika” jew ristrutturar u l-għodda tiegħu biex tittrattaha kienet “glasnost” – ftuħ.

Iżda ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li jissostitwixxi l-kontroll tal-istat b’ekonomija tas-suq ħieles – kif għamilha ċara f’diskors lid-delegati tal-partiti fl-1985.

Fid-diskors tiegħu dakinhar kien qal li “xi wħud minnkom tħarsu lejn is-suq bħala salvataġġ għall-ekonomiji tagħna. Iżda, sħabi, m’għandkomx taħsbu biss dwar li ssalvaw il-ħajja iżda tridu taħsbu dwar il-vapur, u l-vapur huwa soċjaliżmu.”

L-arma l-oħra tiegħu biex jittratta l-istaġnar tas-sistema politika kienet id-demokrazija. Għall-ewwel darba kien hemm elezzjonijiet ħielsa għall-Kungress tad-Deputati tal-Poplu.

Sport