Sunday, December 22, 2024

Titħabbar il-mewt tal-leġġendarju Ingliż Francis Lee

Aqra wkoll

Il-football Ingliż jinsab f’luttu hekk kif tħabbret il-mewt tal-eks attakkant ta’ Manchester City u l-Ingilterra Francis Lee fl-età ta’ 79 sena, wara ġlieda twila kontra l-kanċer.

Lee skorja 148 goal fi 330 partitia matul perjodu ta’ tmien snin mas-City, u għen lill-club jirbaħ diversi unuri, inkluż it-titlu antik tal-Ewwel Diviżjoni, fl-1968.

Lee, li beda l-karriera tiegħu ma’ Bolton Wanderers, ingħaqad ma’ Derby County mingħand Manchester City u għen lir-Rams jirbħu t-tieni kampjonat tagħhom fl-1975.

Huwa lagħab ukoll 27 darba għall-Ingilterra, fejn skorja 10 goals.

Fil-perjodu li lagħab mas-Citizens, Lee rebaħ ukoll l-FA Cup, il-League Cup, it-Tazza tar-Rebbieħa tat-Tazzi Ewropea u darbtejn iċ-Charity Shield

Fl-1994, huwa rritorna mas-City bħala chairman, u qatta’ erba’ snin f’dak l-irwol.

Lee, li twieled f’Westhoughton, Lancashire, beda l-karriera tiegħu ma’ Bolton fejn daħal jilgħab mal-ewwel skwadra fl-etá ta’ 16-il sena, fl-1959.

Huwa kompla biex skorja 106 goal f’210 logħba fuq tmien staġuni qabel ma ffirma mas-City għas-somma ta’ £60,000 li dak iż-żmien kien ir-rekord tal-club.

Ekonomija

Sport