Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li bejn it-18 u d-19 ta’ Ottubru se tittella’ t-8 edizzjoni tal-International Kite and Wind Festival, fiż-żona ta’ San Dimitri, l-Għarb, Għawdex. Kull sena dan il-festival jiġbed lejh eluf ta’ nies kemm Għawdxin, Maltin kif ukoll barranin u nies professjonali internazzjonali li jtajru t-tajr.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “L-International Kite and Wind Festival mhux biss se jkompli jagħti l-ħajja lil Għawdex f’dan iż-żmien sabiħ tas-sena, iżda wkoll juri l-impenn tagħna biex inkomplu nsaħħu t-turizmu sostenibbli u l-identità kulturali ta’ Għawdex b’mod speċjali matul ix-shoulder months li tradizzjonalment kienu jkunu aktar kwieti.” Huwa kompla jispjega kif għal jumejn sħaħ, f’wieħed mill-isbaħ postijiet miftuħa fil-gżejjer Maltin, is-sema ta’ Għawdex se jixgħel b’kuluri u forom hekk kif eluf ta’ tajr ta’ kull daqs u disinn jiddominaw is-sema.
L-esperjenza ta’ dan il-festival ma tiqafx hemm. Se jkun hemm ukoll wirjiet spettakolari ta’ windsurfing u kite surfing. Se jsiru wkoll workshops fejn il-parteċipanti jistgħu jiddisinjaw u joħolqu t-tajra tagħhom stess. Din se tkun esperjenza ideali kemm għat-tfal kif ukoll għall-familji kollha.
Il-festival se joffri wkoll wirjiet kulturali, ikel delizzjuż minn madwar id-dinja, u xogħlijiet ta’ artiġjani lokali kollha f’atmosfera ta’ ferħ, kulur, u komunità. Dan hu avveniment li jgħaqqad il-kultura, l-arti, in-natura u l-divertiment, f’esperjenza indimentikabbli għal kull min jattendi.
Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Għarb David Apap stieden lil kulħadd sabiex jingħaqad fl-Għarb għal dan il-festival li sar tant popolari u li se matulu se jkun hemm madwar 42 barrani sabiex jagħtu spettaklu bit-tajr.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jattendi għal dan l-avveniment uniku li se jservi wkoll bħala jum ta’ mistrieħ u divertiment għall-familji kollha.