Saturday, November 23, 2024

Titħabbar it-tnedija ta’ Fondazzjoni Sagħtar

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici flimkien mal-Malta Union of Teachers ħabbru t-tnedija ta’ Fondazzjoni Sagħtar, li fiha diversi proġetti fosthom; pubblikazzjonijiet, taħriġ u attivitajiet b’rabta mal-professjoni edukattiva. Il-portal ta’ Fondazzjoni Sagħtar, saghtar.org.mt, diġà rreġistraw fih u bdew jagħmlu użu minnu ’l fuq minn 1,300 persuna.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif din il-fondazzjoni se tħares it-tkabbir tal-professjoni tal-edukaturi, it-titjib tal-livell tal-edukazzjoni u fuq kollox is-servizzi lill-istudenti nfushom. Huwa qal: “Minn dejjem kien hemm l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni professjonali bejn l-MUT u l-awtoritajiet matul is-snin. L-interess ta’ dan il-Gvern minn dejjem kien li jara x’inhu l-aħjar għall-edukaturi u l-istudenti sabiex dawn jingħataw l-aħjar opportunitajiet biex itejbu ħilithom u l-kapaċitajiet tagħhom. Nixtieq inħeġġeġ iżjed nies jinteressaw ruħhom u jidħlu f’dan is-sit informattiv li m’għandix dubju li diversi edukaturi u studenti se jsibuh utli.”

Il-Ministru Bonnici rringrazzja wkoll lill-edukaturi kollha li f’dawn iż-żminijiet bla preċedent li għaddejjin minnhom minħabba l-imxija tal-COVID-19, l-edukaturi taw sehem kbir b’dedikazzjoni biex jaraw li l-istudenti jkomplu għaddejjin bit-tagħlim tagħhom b’sistemi onlajn, wara l-waqfa ħesrem tas-sena skolastika minħabba din il-pandemija.

Fost l-oħrajn, Fondazzjoni Sagħtar beħsiebha tieħu sehem fi programmi u proġetti relevanti kif ukoll torganizza korsijiet, seminars u attivitajiet għall-edukaturi sabiex ikomplu jikbru professjonalment, bħala parti mill-iżvilupp professjonali. Wara r-reġistrazzjoni uffiċjali tal-Fondazzjoni mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, il-Bord tal-Fondazzjoni beda jaħdem sabiex jintlaħaq dan il-għan.

Il-President tal-MUT, Marco Bonnici, saħaq li; “kif wieħed jista’ jimmaġina, bħalissa l-MUT qed taħdem fuq numru kbir ta’ issues u sfidi li għandna fiċ-ċirkustanzi. L-aktar urġenti huma dawk relatati ma’ kif il-COVID-19 affettwat din is-sena skolastika u x’ser jiġri minn Settembru ’l quddiem. Biss, bħala union fil-qasam edukattiv, ħadna ħsieb li l-aspett professjonali nkomplu niżviluppawh u nkattruh. Il-ġimgħa li għaddiet nedejna stħarriġ importanti dwar kif l-edukaturi qed jiġu affettwati mill-għeluq tal-iskejjel u t-tranżizzjoni għall-online, u dan ħriġnieh bħala parti minn pubblikazzjoni ġdida li semmejna Il-Ħsieb, kif forsi rajtu. Illum qed inkomplu nibnu fuq dan kollu b’din il-Fondazzjoni, li biha qed nuru biċ-ċar l-impenn tagħna li mhux biss nidentifikaw il-problemi tal-qasam imma li nkunu parti mis-soluzzjoni.” Permezz ta’ Fondazzjoni Sagħtar l-MUT issa qiegħda f’pożizzjoni aħjar li twettaq l-irwol doppju tagħha bħala organizzazzjoni trejdjunjonistika u professjonali.

Fi spjega tax-xogħol tal-Fondazzjoni, Elaine Germani, Chairperson ta’ Fondazzjoni Sagħtar u Viċi President tal-MUT, qalet li parti integrali mill-ħidma ta’ Fondazzjoni Sagħtar se tkun il-pubblikazzjoni u t-tixrid ta’ materjal edukattiv kemm għall-edukaturi u b’mod speċjali għall-istudenti. Ewlenija fost il-pubblikazzjonijiet fil-ħidma tal-Fondazzjoni se tkun ir-rivista ‘Sagħtar’. Kull min iħobb il-lingwa Maltija jew iħobb jaqra, żgur li jiftakar sew is-‘Sagħtar’, bl-artikli informattivi u l-istejjer interessanti li kien ikun fih, il-logħob u ċ-ċajt, jew minħabba l-posters tal-kantanti u personalitajiet oħrajn. Hija saħqet li wara li ttellgħu l-edizzjonijiet passati kollha online, b’xi wħud mill-artikli moqrijin u mtellgħin anki f’audio files, l-MUT qed taħdem biex terġa’ tibda tippubblika r-rivista mis-sena skolastika li jmiss, bl-użu prominenti tal-format diġitali, li jappella għall-istudenti tad-dinja tal-lum u li jwassal l-informazzjoni, it-tagħlim u d-divertiment b’mod attraenti u modern. Apparti dan kollu, il-Fondazzjoni se tkun qed tagħmel xogħol ukoll fejn jidħlu riċerka, taħriġ, u anki hemm pjan li titwaqqaf librerija.

Kull min hu interessat jista’ jirreġistra fuq saghtar.org.mt.

Sport