“Titilfux opportunità li tkunu ħdejn ommkom, li tkellmu lil ommkom, li tgħidulha li tħobbuha u tirringrazzjawha. Speċjalment jekk m’intkomx tkellmuha għal xi raġuni jew oħra. Warrbu dawn id-differenzi qabel ikun tard wisq. L-omm ta’ kull ħadd anke dik li tkun żbaljat hija speċjali”. Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fl-ewwel Jum l-Omm li mhux se jkun jista’ jgħannaq miegħu lil ommu minħabba t-telfa tagħha fl-aħħar xhur. Waqt intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista Grech sellem lil dawk in-nisa kollha li għalihom dan huwa jum diffiċli għal diversi raġunijiet fosthom dawk li qatt ma kellhom l-opportunità li jsiru ommijiet jew dawk li tilfu lil uliedhom.
Għal ġimgħa oħra reġa’ beda jargumenta dwar is-sitwazzjoni fl-Isptarijiet. Filwaqt li reġa’ rrefera għad-deċiżjoni tal-Qorti rigward il-konċessjoni tal-isptarijiet huwa qabbel il-kuntratt ta’ Steward ma’ ftehim ta’ persuna li tiftiehem ma’ bajjad li jkollu jiġi jbajjad id-dar u jibqa’ jitlob il-pagamenti minkejja li jibqa’ ma jibdiex ix-xogħol. Huwa kompla bl-attakk tiegħu fuq il-Kummissarju tal-Pulizija u qal li ilu snin ma jagħmel xejn quddiem inġustizzji li minnhom qiegħed ibati l-poplu inġenerali.
Grech qal li l-gvern u l-Prim Ministru nnifsu tilfu d-direzzjoni u allega li huma n-nies stess li qed jgħidu li ma jafux x’inhuma jagħmlu. Mill-ġdid huwa qal li ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni huma gimmick u li saħansitra fit-tqassim tagħhom kien hemm l-iżballji fosthom b’ċekkijiet li ħarġu doppji.
Skont il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Partit hemm tant ġlied intern li hemm esponenti tal-istess partit li qed jgħidu li m’għadhomx jagħrfu lill-partit u għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jkompli jitkellem u ħeġġeġ iktar nies biex jitkellmu għax se jsibuh hemm biex jindirizza l-problemi tagħhom. Tkellem dwar il-mekkaniżmu tal-COLA u qal li jekk verament il-gvern irid jgħin lil dawk li qed ibatu biex jikkumbattu l-għoli tal-ħajja jeħtieġ li din iż-żieda ma tkunx taxxabbli. Huwa sostna li b’mod speċjali fis-settur privat, din iż-żieda qiegħda twassal biex min iħaddem biex jibbilanċja ma’ dawn iż-żidiet ikollu jżid fil-prezzijiet tax-xogħol li jipproduċu u għalhekk dan huwa ċirku vizzjuż li qed jispiċċa jaffettwa xorta waħda lil xi oħrajn.
Filwaqt li tkellem dwar il-mediċina offruta mill-gvern, Grech qal li filwaqt li hemm każi fejn il-gvern ma jsibx jixtri ċertu mediċini minħabba d-domanda għalihom u nuqqas fil-produzzjoni, allega li għandu f’idejh provi li l-gvern qiegħed jirrifjuta li jixtri mediċina u saħansitra servizzi ta’ terapija li huma disponsibbli. Huwa qal li hu jitkellem dwar il-fatti u huma n-nies stess li javviċinawh b’dawn is-sitwazzjonijiet.