Statistika maħruġa mill-Aġenzija tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea – il-Eurostat uriet li l-Gvern Malti tejjeb il-qagħda finanzjarja tiegħu b’1% tal-ġid nazzjonali s-sena li għaddiet. Dan hekk kif id-deficit naqas minn 4.7 fil-mija għal 3.7 fil-mija. Fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kien hemm titjib fid-deficit ta’ 0.3 fil-mija biss.
B’hekk it-titjib fil-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna kien tliet darbiet aħjar mill-medja Ewropea.
Dan filwaqt li, f’14-il stat membru, id-defiċit mhux talli naqas, imma talli żdied. L-agħar sitwazzjoni kienet fir-Rumanija fejn id-deficit żdied minn 6.6 fil-mija għal 9.3 fil-mija. Fl-Awstrija s-sitwazzjoni fiskali marret għall-agħar, minn 2.6 fil-mija għal 4.7 fil-mija. Fil-Finlandja, il-Gvern ra d-deficit jiżdied minn 3 fil-mija għal 4.4 fil-mija.
L-istrateġija tal-Gvern Malti li investa bil-qawwi f’sostenn ekonomiku fl-eqqel tal-pandemija qed tħalli l-frott. Dan hekk kif minn defiċit ta’ 8.7 fil-mija fl-2020, l-iżbilanċ tal-Gvern issa naqas bi kważi żewġ terzi.
Is-sena l-oħra, id-dejn nazzjonali Malti naqas minn 47.9 fil-mija għal 47.4 fil-mija, jew b’0.5 fil-mija. Bil-maqlub, madwar l-Unjoni Ewropea d-dejn nazzjonali mhux talli naqas, imma talli żdied minn 80.8 fil-mija għal 81 fil-mija.
Dan juri kif il-politika ta’ investiment mill-Gvern Laburista qed twassal għal qagħda fiskali aktar sostenibbli, ladarba wkoll l-ekonomija Maltija qed tikber b’rata ferm aktar għolja minn dik Ewropea u l-piż tad-dejn qed jonqos, waqt li fl-Ewropa qed jikber.