Thursday, June 19, 2025

Titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-GHRC permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid

Aqra wkoll

Ftehim ġdid mifrux fuq erba’ snin se jwassal għal titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fil-pakkett ta’ benefiċċji għall-ħaddiema tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

“Il-ħaddiema tal-korporazzjoni huma pilastru importanti tal-viżjoni tagħna għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. Riġenerazzjoni li tpoġġi fuq quddiem il-komunità. Dan il-ftehim juri wkoll l-impenn tagħna li noffru kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u futur stabbli għal dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam. Sodisfatta li dan il-pass sar b’kollaborazzjoni ġenwina u b’rispett lejn id-drittijiet tal-ħaddiema,” qalet il-Ministru Miriam Dalli waqt l-iffirmar ta’ dan il-ftehim bejn il-GHRC u l-General Workers’ Union (GWU).

Il-ftehim jinkludi żidiet fil-pagi u allowances, tisħiħ tal-miżuri family-friendly, u inizjattivi għal żvilupp professjonali sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom f’ambjent ta’ xogħol modern u inklużiv.

Gino Cauchi, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni, filwaqt li rringrazzja lill-partijiet involuti fit-taħditiet għal dan il-ftehim u għall-ispirtu ta’ kooperazzjoni li dejjem intwera, qal li l-ftehim huwa sinjal ċar min-naħa tal-Gvern tal-fiduċja li għandu fil-ħidma tal-GHRC u l-impjegati kollha tagħha. Ħidma ffukata fuq riġenerazzjoni ta’ żoni sħaħ li jmissu mal-Port il-Kbir u dak ta’ Marsamxett.

Is-Segretarju tat-Taqsima fi ħdan il-GWU, Riccarda Darmanin, irrimarkat li n-negozjati twettqu b’sens ta’ koperazzjoni u rispett reċiproku, u esprimiet gratitudni lejn il-partijiet kollha involuti. Hija rringrazzjat ukoll lir-rappreżentant tal-ħaddiema John Attard għall-ħidma u l-appoġġ kontinwu lill-membri tal-Union.

Fl-aħħar snin permezz tal-GHRC twettqu diversi proġetti fosthom ir-riġenerazzjoni taż-żona ta’ Marsamxett fil-Belt, il-Pjazza u x-Xatt tal-Kalkara u d-daħla tal-Isla, ix-Xatt tal-Pietà u tal-Imsida u tal-Ġnien tal-Mall fil-Furjana. Diversi proġetti oħra huma ppjanati u se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport