“Dan il-Ftehim Kollettiv sar biex jirrappreżenta lill-ħaddiema tal-NCPE. Ftehim li jagħraf il-professjonalità tagħhom, permezz ta’ titjib fis-salarji kif ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tal-Kummissjoni. Nemmnu li permezz ta’ dan il-Ftehim Kollettiv qed tiggwadanja l-Kummissjoni kif ukoll il-ħaddiema.” – Kendrick Bondin
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) u l-General Workers’ Union iffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-NCPE li jkopri sal-2030.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Renee Laiviera, u mis-Segretarju tat-Taqsima tal-GWU, Kendrick Bondin, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg.
Dan il-ftehim kollettiv jipprovdi titjib fis-salarji kif ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tal-Kummissjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-impenn tal-ħaddiema tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza qed jagħmel differenza fil-ħajja ta’ persuni li esperjenzaw diskriminazzjoni. Żiedet tgħid li dan il-ftehim jikkumplimenta ftehimiet oħra li qed jiġu konklużi għal diversi ħaddiema fis-servizz pubbliku.
Il-Kummissarju Renee Laiviera qalet li dan il-ftehim jgħin biex il-Kummissjoni jibqa’ jkollha impjegati motivati u dedikati biex iwettqu d-doveri tagħhom u fost oħrajn jindirizzaw bi professjonalità temi marbuta mal-ugwaljanza u diskriminazzjoni li jistgħu jaffettwaw sezzjonijiet ta’ persuni vulnerabbli.
Min-naħa tiegħu, Kendrick Bondin esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-ftehim ġie konkluż u se jidħol fis-seħħ immedjatament, u li se joffri serħan il-moħħ lill-ħaddiema permezz ta’ titjib fis-salarji għal ħames snin li ġejjin.