Saturday, March 21, 2026

Titjib fl-infrastruttura tas-sajd: jitlestew ix-xogħlijiet tal-winch room fil-Port tal-Ġnejna

Faċilità ġdida għas-sajjieda fil-Port tal-Ġnejna, l-Imġarr

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbret li tlestew ix-xogħlijiet infrastrutturali tal-winch room fil-Port tal-Ġnejna, l-Imġarr. Din il-faċilità ġdida issa tista’ tintuża mis-sajjieda u minn dawk kollha li joperaw f’din iż-żona importanti għas-settur tas-sajd.

Waqt żjara fil-Port tal-Ġnejna, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li dan il-proġett huwa parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern li jkompli jinvesti fl-infrastruttura marittima u fil-portijiet tas-sajjieda madwar il-pajjiż.

“Dan huwa investiment li qed isir wara li smajna l-bżonnijiet tal-komunità tas-sajjieda. Dan il-proġett huwa parti minn diversi investimenti oħra li saru fil-portijiet tas-sajjieda fosthom winch rooms f’Marsaskala u fl-Imsida, pillars f’kull port u hoists f’San Pawl il-Baħar u l-Marfa. Illum qed naraw aktar xogħol, din id-darba fil-Port tal-Ġnejna. Din il-Winch Room se tippermetti li s-sajjieda ma joqgħodux ibatu biex itellgħu u jniżżlu d-dgħajjes tagħhom u jkunu aktar siguri f’xogħolhom,” qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Hija żiedet li s-sajjieda Maltin u Għawdxin huma parti integrali mill-identità marittima ta’ pajjiżna u għalhekk huwa importanti li jibqgħu jingħataw l-appoġġ u l-infrastruttura meħtieġa. “Bħala Gvern nibqgħu determinati li nkomplu ninvestu fis-settur tas-sajd sabiex inkomplu nsaħħu lill-komunitajiet kostali tagħna u nippromwovu futur aħjar għal dan is-settur,” sostniet is-Segretarju Parlamentari.

Id-Direttur għas-Servizzi tas-Sajd u l-Akwakultura Dennis Sciberras spjega li l-winch room ġiet iddisinjata sabiex tipprovdi faċilitajiet aktar  effiċjenti għas-sajjieda li jużaw il-bajja tal-Ġnejna. Huwa spjega li din l-infrastruttura se tgħin biex jitjieb il-mod kif jitwettqu diversi operazzjonijiet relatati max-xogħol tas-sajd, filwaqt li tkompli ttejjeb is-servizzi offruti lill-bastimenti li joperaw minn dan il-port. “Minkejja li l-kundizzjonijiet tat-temp ma kienux favorevoli matul din ix-xitwa, id-Dipartiment ra li nkomplu b’ħafna xogħlijiet u fl-istess waqt qed nivverifikaw ukoll in-notifiki ta’ ħsarat sottomessi mis-sajjieda kkawżati minn storm Harry.”

Dan il-proġett infrastrutturali jkompli jsaħħaħ il-faċilitajiet fil-Port tal-Ġnejna u jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f’infrastruttura li tappoġġja lis-sajjieda fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum u li tkompli tagħti valur lill-komunitajiet kostali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport