Tuesday, November 25, 2025

Titjib kontinwu fl-infrastruttura tat-toroq Għawdxin

Il-Gvern bi proġett ta’ rikostruzzjoni ta’ 100 triq f’Għawdex

Aqra wkoll

Hekk kif is-saħħa ekonomika f’Għawdex kompliet tikber, il-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex tibqa’ li jkompli jtejjeb l-infrastruttura ta’ Għawdex . Matul din is-sena, il-Gvern kompla jinvesti b’mod sostanzjali fl-infrastruttura tat-toroq Għawdxin. Dan sabiex titnaqqas il-konġestjoni miċ-ċentru storiku tar-Rabat, jitlestew it-toroq ta’ taħt iċ-Ċittadella u l-arterja ġdida li tgħaqqad Triq Fortunato Mizzi ma’ Triq Marsalforn, fost proġetti oħra ta’ modernizzar tat-toroq.

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żaru wieħed mill-akbar proġetti infrastrutturali fit-toroq Għawdxin, Triq Marsalforn, waħda mill-itwal u l-aktar arterji importanti li jgħaqqdu r-Rabat ma’ Marsalforn. Din it-triq tinsab fi stadju avvanzat ta’ rikostruzzjoni bħala parti minn programm tat-titjib infrastrutturali li qed jitwettaq f’Għawdex. 

Processed with VSCO with g6 preset

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru tkellem iżjed fuq il-programm ambizzjuż ta’ rikostruzzjoni ta’ 100 triq madwar Għawdex, li se jġib titjib sinifikanti fil-konnettività tal-gżira. Din l-inizjattiva se tinkludi wkoll toroq arterjali fin-Nadur, il-Qala u r-Rabat, kif imħabbar fil-Budget.

Triq Marsalforn, li fiha madwar erba’ kilometri, qed tingħata diversi servizzi ġodda, inkluż dak tal-ilma u drenaġġ, servizz ta’ new water għall-bdiewa, mod ġdid tal-immaniġġjar tal-ilma tax-xita u sistema ġdid tad-dawl sabiex takkomoda ż-żieda fid-domanda għal Marsalforn. Dan il-proġett qed jitwettaq b’attenzjoni partikolari lejn l-ambjent u s-siti arkeoloġiċi fil-madwar, b’pjan li jħares siġar eżistenti, jintegra spazji ħodor ġodda u jnaqqas l-impatt fuq l-art naturali. Il-proġett qed isir f’żoni sensittivi arkeoloġikament, fejn instabu fdalijiet storiċi li jmorru lura għall-ewwel port ta’ Marsalforn.

L-ewwel fażi, il-bypass Ġorġ Pisani, b’tul ta’ nofs kilometru, diġà nfetħet għall-vetturi, u qed tnaqqas b’mod drastiku l-ħtieġa li l-vetturi jgħaddu miċ-ċentru tar-Rabat. Din tinkludi wkoll pont ġdid fuq il-wied ta’ Karawendi, strutturi sħaħ ta’ storm water ġodda u l-preservazzjoni ta’ barriera antika li nbidlet f’ġibjun għall-ilma tax-xita. Ix-xogħol għaddej fi tliet żoni tat-triq, fl-istess ħin, biex il-proġett jibqa’ għaddej b’ritmu mgħaġġel.

Fiż-żona tal-Knisja tal-Kapuċċini, se jsir titjib totali tal-junction, inkluż bankini ġodda u żoni ħodor biex tinħoloq pjazza pubblika, aktar organizzata u aktar sigura. Il-proġett qed jitwettaq f’kollaborazzjoni ma’ Din l-Art Ħelwa, u qed jiffoka fuq il-bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent. Tul it-triq se jitħawlu madwar 300 siġra indiġena matura, filwaqt li aktar minn 200 siġra oħra se jkunu salvati.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport