Minn Victor Vella
Numru ta’ indikaturi maħruġa din il-ġimgħa kkonfermaw li fit-tielet kwart tas-sena l-ekonomija Maltija bdiet tirpilja wara d-daqqa osservata fit-tieni kwart minħabba l-imxija tal-coronavirus. Dan jisjega għalfejn mill-bidu ta’ Ġunju sa llum in-nies jirreġistraw naqsu bi kważi 1,300, jew b’terz.
Studju tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika wera li fit-tielet kwart tas-sena aktar milli rdoppjaw il-Maltin u Għawdxin li għażlu li jqattgħu lejl jew aktar fi stabbilimenti turistiċi f’pajjiżna. Dan meta statistika ppublikata mill-Eurostat tindika li madwar l-Ewropa kien hemm tnaqqis ta’ 22% f’Lulju u ta’ 12% f’Awwissu fejn jidħol turiżmu domestiku.
Mentri fl-2019 – li kienet sena rekord għat-turiżmu domestiku f’pajjiżna – kien hemm ftit aktar minn 43,000 Maltin u Għawdxin li ħadu vaganza f’akkomodazzjoni turistika f’pajjiżna bejn Lulju u Settembru, fl-istess xhur tal-2020 kien hemm 97,325. L-aktar li gawdew minn dan l-iżvilupp kienu l-lukandi 4-star, li raw in-numru ta’ turisti minn pajjiżna stess jiżdiedu bi kważi 32,000. Din tfisser li bejn Lulju u Settembru 2020 kien hemm tlett darbiet l-ammont ta’ Maltin u Għawdxin li qagħdu ġo lukandi 4-star f’pajjiżna meta mqabbel ma sena qabel. Anke l-lukandi 5-star raw qabża kbira, bi kważi 11,000 resident aktar, jew żieda ta’ żewġ terzi fuq l-2019.
Bis-saħħa taż-żieda staordinarja fit-turiżmu domestiku, l-ammont komplessiv ta’ turisti li qagħdu f’lukandi 4-star Għawdxin bejn Lulju u Settembru 2020 kien biss ftit mijiet anqas milli kien fl-2019, minkejja t-tnaqqis fit-turiżmu barrani. Fejn jidħlu l-lukandi 5-star Għawdxin l-ammont ta’ turisti lokali tela għal aktar minn 6,000. Dan huwa darba u nofs aktar mill-ammont ta’ turisti barranin li kienu qagħdu f’lukandi 5-star Għawdxin fis-sajf tal-2019.
Fit-tielet kwart tal-2020 kien hemm titjib inkorraġanti ferm fl-industrija tal-manifattura f’pajjiżna. Dan meta l-attivita tjiebet bi 15% fuq dik ta’ bejn April u Ġunju. Tant li meta wieħed iqabbel il-bejgħ tal-manifattura bejn Lulju u Settembru 2020 u l-istess xhur tal-2019, dan kien ftit għola, preċiżament 0.3% aktar. Fi kwart wieħed biss il-fabbriki Maltin u Għawdxin reġu f’territorju pożittiv. L-impjiegi fis-settur ukoll jidhru li baqgħu stabbli meta mqabla mat-tieni kwart tas-sena. Dan filwaqt li l-ammont ta’ sigħat maħduma żdiedu bi 2.3%. Riżultat ta’ hekk kien hemm tkabbir ta’ kważi 1% fl-ammont ta’ pagi mħallsa meta mqabbla ma dawk li kienu tħallsu bejn April u Ġunju 2020.
Barra l-manifattura, fit-tielet kwart kien hemm numru ta’ setturi oħra li wrew titjib mhux biss kumparat mat-tieni kwart, imma anke kumparat mal-istess perijodu fl-2019. Filfatt il-valur miżjud f’termini reali żdied ukoll fis-settur tal-industrija li ma hijix manifattura, fl-informazzjoni u kommunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji, l-amministrazzjoni pubblika, s-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll ir-remote gaming u servizzi oħrajn. Kienu s-setturi diġitali li l-aktar marru tajjeb fit-tielet kwart. Filfatt kemm l-informazzjoni u kommunikazzjoni, kif ukoll ir-remote gaming raw żieda ta’ kważi 10% meta mqabbla ma sena qabel.
Jekk wieħed jeskludi r-retail, trasport, akkomodazzjoni u ristoranti, jiġifieri dawk is-setturi li l-aktar jiddependu mit-turiżmu barrani, il-valur miżjud fil-bqija tal-ekonomija kien fl-istess livell tal-2019. Dan meta fit-tieni kwart tas-sena kien hemm tnaqqis ta’ aktar minn 5% fl-istess setturi. Barra minn hekk mentri t-tnaqqis fl-attivita fir-retail, trasport, akkomodazzjoni u ristoranti li fit-tieni kwart kien ilaħħaq aktar minn nofs, fit-tielet kwart il-kontrazzjoni kienet ta’ terz.
It-titjib fl-attivita ekonomika wassal għal bidla pożittiva fil-finanzi tal-Gvern. Filfatt kemm f’Settembru kif ukoll f’Ottubru, id-dħul rikurrenti tal-Gvern tjieb meta mqabbel mal-2019. Fix-xahar ta’ Settembru, l-ewwel xahar meta beda jintemm id-diferiment tat-taxxa kien hemm żieda ta’ €32 miljun fid-dħul tal-Gvern meta mqabbel mal-istess xahar fl-2019. Fix-xahar ta’ Ottubru kien hemm żieda ta’ €11.5 miljun, jew 3% aktar mill-livell f’Ottubru tal-2019.
B’riżultat ta’ dan it-titjib fid-dħul kien hemm tnaqqis fid-dejn tal-Gvern Ċentrali. Dan kien laħaq il-figura ta’ €6,624 miljun fi tmiem Lulju. Sa tmiem Ottubru id-dejn kien niżel għal €6,504 miljun. Li jfisser li f’nofs pandemija, minkejja żieda qawwija fl-ispiża tal-Gvern biex isostni n-negozji u d-dħul tal-familji, id-dejn tal-Gvern Ċentrali tnaqqas b’ €120 miljun fi tlett xhur.