Monday, June 16, 2025

Titjib strateġiku fl-infrastruttura tal-ilma f’Għawdex

Aqra wkoll

Għaddejjin investimenti kbar fl-Impjant tar-Reverse Osmosis f’Ħondoq u fir-Reservoirs Ta’ Ċenċ biex tkompli tittejjeb l-kwalità tal-ilma u r-reżiljenza tal-provvista madwar Għawdex.

Dan ġie diskuss waqt żjara f’dawn is-siti mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia.

Ġie spjegat li l-Impjant tar-Reverse Osmosis f’Ħondoq jimmarka pass importanti biex jiġi żgurat li l-kwalità tal-ilma madwar Għawdex u Malta jkunu l-istess. Matul iż-żjara, il-ministri raw pjanijiet għal aktar investiment f’Ħondoq, inkluż iż-żieda ta’ ‘ferrovija’ ġdida ta’ desalinizzazzjoni b’valur ta’ madwar €2 miljun, biex tkabbar il-kapaċità u jiġi żgurat li tintlaħaq id-domanda li dejjem qed tikber.

“L-iżvilupp ekonomiku kontinwu f’Għawdex ifisser li hemm bżonn ta’ aktar ilma biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-familji u n-negozji. Biex tlaħħaq ma’ din id-domanda, il-Korporazzjoni hija impenjata li tespandi l-kapaċitajiet ta’ desalinizzazzjoni. Aktar produzzjoni ta’ ilma inevitabbilment twassal għal aktar drenaġġ, u huwa għalhekk li huwa ppjanat ukoll titjib sostanzjali fl-impjant tat-trattament tad-drenaġġ ta’ Għawdex. Dan il-proġett importanti se jiswa madwar €25 miljun u se jiżgura l-immaniġġjar sostenibbli tad-drenaġġ, filwaqt li l-ambjent ikun imħares,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Clint Camilleri sostna li, “Dawn l-investimenti strateġiċi fl-infrastruttura tal-ilma f’Għawdex jiżguraw provvista tal-ilma sostenibbli u ta’ kwalità għolja għar-residenti tal-gżira. It-titjib fl-Impjant tar-Reverse Osmosis ta’ Ħondoq, flimkien mas-sistema l-ġdida fir-reservoirs f’Ta’ Ċenċ, se jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-provvista tagħna. Barra minn hekk, l-investiment fl-impjant tat-trattament tad-drenaġġ u l-impjant il-ġdid tal-filtrazzjoni tan-New Water se jsaħħaħ l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma tagħna u jappoġġja lis-settur agrikolu f’Għawdex.”

F’Ta’ Ċenċ, ġiet implimentata sistema ġdida biex tgħaqqad il-ġibjuni b’mod li jistgħu jissostitwixxu lil xulxin.

Karl Cilia, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, qal li, “L-istrateġija ta’ investiment tagħna f’Għawdex tirrifletti l-impenn tagħna li nipprovdu ilma sigur u ta’ kwalità għolja lill-gżejjer Maltin kollha. Billi nżidu l-kapaċità tad-desalinizzazzjoni f’Ħondoq u ntejbu n-netwerk tal-ġibjuni tagħna f’Ta’ Ċenċ, qed nibnu reżiljenza u flessibbiltà fis-sistema. Fl-istess ħin, nirrikonoxxu l-importanza li d-drenaġġ jiġi mmaniġġjat b’mod sostenibbli, u huwa għalhekk li t-titjib ippjanat għall-impjant tat-trattament tad-drenaġġ ta’ Għawdex huwa parti kruċjali minn dan l-approċċ integrat lejn iċ-ċiklu tal-ilma.”

Investiment f’impjant ġdid għall-iffiltrar tan-New Water huwa previst ukoll bħala parti mill-viżjoni usa’ tal-Korporazzjoni għall-użu mill-ġdid tal-ilma f’Għawdex. Din il-faċilità avvanzata se tittratta l-effluent li ġej mill-impjant imtejjeb tat-trattament tad-drenaġġ, biex jaslu għal standards saħansitra aħjar, u jipproduċu ilma ta’ kwalità għolja li jista’ jerġa’ jintuża b’mod sigur għall-irrigazzjoni. B’riżultat ta’ dan, is-settur agrikolu f’Għawdex se jkun f’pożizzjoni aħjar biex jibbenefika minn sors ta’ ilma aktar konsistenti u sostenibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport