Tuesday, December 24, 2024

Titjib u sfidi fil-qasam edukattiv

Kenneth Vella

Aqra wkoll

Tista tgħid li kull pajjiż għandu l-isfidi tiegħu fil-qasam edukattiv. Ċerti sfidi jkunu nnutati f’pajjiż partikolari, oħrajn ikunu simili u eżistenti f’diversi pajjiżi, mhux biss fil-kontinent tagħna. Dawn l-isfidi jinbtu u jikbru allavolja l-qasam edukattiv mhux nieqes minn riformi u bidliet li jaffettwaw it-tagħlim tal-istudenti u l-ħidma tal-edukaturi u ta’ dawk li jmexxu dan is-settur. Il-problemi jkomplu jiżdiedu wkoll anki meta l-egħruq tagħhom jinbtu u joħorġu minn sfond li hu l-bogħod minn dak skolastiku.

Huwa importanti wkoll li kull deċiżjoni jew riforma li tiġi implimentata fis-settur tagħna tingħata biżżejjed żmien biex tiġi implimentata, jekk verament irridu naraw il-frott tagħha. Dan l-aħħar ippruvajt nagħmel lista ta’ l-aktar sfidi li qiegħed jaffettwaw il-progress fil-qasam edukattiv kemm fil-kontinent tagħna u anki f’diversi pajjiżi oħra madwar id-dinja. Żgur li barra dawn hemm oħrajn li ta’ min wieħed jagħti kashom u jaħseb fuqhom ukoll. Illum se niddiskuti biss ftit minnhom.

Edukaturi kkunsidrati bħala professjonisti

Bl-eċċezzjoni ta’ ftit pajjiżi bħall-Finlandja, ħafna pajjiżi jsibuha diffiċli li jkollhom kull sena biżżejjed edukaturi li jaħdmu fl-iskejjel tagħhom. Ħafna osservaturi jemmnu li dan jista jkun riżultat ta’ nuqqas ta’ kundizzjonijiet xierqa għall-għalliema, jew inkella l-għalliema ma jkunux ikkunsidrati professjonisti bħal kollegi fi professjonijiet oħra. Jidher ċar li għalkemm f’ħafna pajjiżi minn żmien għal żmien jiġu ffirmati ftehimiet kollettivi biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istat tal-edukaturi dan mhux qiegħed ikun biżżejjed.

Din is-sitwazzjoni qegħda twassal biex anqas żgħażagħ jagħżlu l-karriera ta’ għalliema. Irridu nifhmu wkoll li filwaqt li sas-snin tmenin l-aktar korsijiet universitarji imfittxija kienu dawk ta’ għalliem, tabib, avukat jew perit, illum l-istudenti Universitarji għandhom aktar opportunitajiet u għażliet ta’ korsijiet differenti li jwasslu għal impjieg li jagħtik dħul finanzjarju akbar u ġieli anki anqas responsabbilta’. Dan anki għax fl-aħħar mill-aħħar it-tagħlim jibqa wkoll vokazzjoni barra professjoni.

Jikteb Kenneth Vella

Dan kollu jfakkarni f’rapport li qrajt dan l-aħħar, How The World’s Best-Performing Schools Came Out On Top miktub minn Michael Barber u Mona Mourshed u maħruġ lura fl-2007 u li nemmen li għadu validu anki llum. Fih iż-żewġ riċerkaturi sostnew li dawk li huma kkunsidrati bħala l-aqwa skejjel fix-xena nternazzjonali jirnexxilhom iressqu lejhom edukaturi ddedikati, professjonali u mħarrġa sew li jaraw ix-xogħol tagħhom bħala vokazzjoni. Dan iwassal biex jgħolha l-istat tal-professjoni u fl-istess ħin dawn l-għalliema jkunu ta’ ispirazzjoni għal ħafna oħrajn.

F’pajjiżi kkunsidrati fost ta’ quddiem fl-assessjar internazzjonali, bħal Singapore u Hong Kong, dawk li jibdew il-kors ta’ għalliem ikunu spiċċaw l-istudji post sekondarji tagħhom mal-aqwa 30% tal-popolazzjoni studenteska. Fil-Korea ta’ Isfel u l-Finlandja hemm aktar studenti interessati li jsiru għalliema milli kemm ikun hemm postijiet. Dan iwassal biex jintgħażlu biex jibdew il-kors fl-edukazzjoni numru limitat biss ta’ studenti, dawn ikunu fost l-aqwa 10% tal-popolazzjoni. Ma jiġix aċċettat kull min ikun interessat biex jibda l-kors.  Kif kiteb ir-riċerkatur Finlandiż Pasi Sahlberg fil-pubblikazzjoni tiegħu The secret to Finland’s success: educating teachers, applikant wieħed minn għaxra biss jiġi aċċettat jibda l-istudju biex isir għalliem tal-primarja.

Instab ukoll li pajjiżi li jmorru tajjeb fi studji internazzjonali għandhom ukoll korsijiet ta’ preparazzjoni għall-għalliema li huma ta’ kwalita’ għolja, programmi ta’ mentoring aġġornati u sessjonijiet ta’ taħriġ ta’ aġġornament għall-għalliema li huma ta’ livell għoli u pjanati skont il-bżonnijiet tal-iskejjel.

Skejjel ugwali

L-istudju internazzjonali PISA (Programme For International Student Assessment) mwettaq mill-OECD (L-Organizzazzjoni għall-Ko-operazzjoni Ekonomika u Żvilupp) wera li matul is-snin ċerti pajjiżi mhux biss irnexxilhom jgħollu r-riżultati miksuba mill-istudenti tagħhom iżda anki naqsu d-distakk relatat mad-differenzi soċjo-ekonomiċi bejn l-istudenti. Il-Ġermajna, il-Messiku u t-Turkija huma xhieda ta’ dan. Studji diversi tal-OECD urew li hu essenzjali li l-pajjiżi mhux biss iżidu l-investiment fl-edukazzjoni iżda għandhom jaraw ukoll li r-risorsi vvutati għall-edukazzjoni jkunu mqassma sew u b’mod ġust bejn l-iskejjel kollha. Din l-organizzazzjoni internazzjonali tisħaq dwar l-importanza li l-pajjiżi jkollhom politika li tnaqqas id-differenzi bejn l-iskejjel u li kull skola tingħata l-importanza li ħaqqha.

Kurrikulu għas-seklu 21

Sfida oħra li qiegħed nħabbtu magħha fil-qasam edukattiv hija r-reviżjoni tas-sillabi u anki li jkollna kurrikulu aġġornat skont il-bżonnijiet tas-seklu 21. Id-dinja qegħda tinbidel kuljum u dak li kien jgħodd ħamsin jew għaxar snin ilu ma jfissirx li għadu kollu validu llum. Id-dinja qiegħed tinbidel b’pass verament mgħaġġel, qiegħed issir aktar globalizzata anki grazzi għall-avvanzi fit-teknoloġija, il-kommunikazzjoni u l-media soċjali. L-istudent tal-lum kapaċi jakkwista t-tagħrif u jagħmel ir-riċerka li għandu bżonn ferm aktar malajr u b’mod effiċjenti milli konna nagħmlu aħna meta konna għadna studenti. Dan it-tibdil, flimkien ma’ tibdil soċjali ieħor u fl-ambjent ta’ madwarna mhux dejjem qiegħed ikun rifless fis-sillabi tal-iskejjel madwar id-dinja.

Anki d-dinja tax-xogħol qegħda tittrasforma ruħha, b’aktar ħaddiema jibdlu l-impjieg tagħhom wara ftit snin. Dan ifisser ukoll li llum id-dinja tax-xogħol għandha bżonn ħaddiema li kapaċi jibdlu l-attitudni tagħhom, jaddattaw u jkunu flessibbli. Ikunu miftuħa għall-innovazzjoni u kapaċi jirriflettu u jsibu soluzzjonijiet għall-problemi li jinqalgħu. Il-kurrikulu fl-iskejjel għandu jipprepara lill-istudenti għal din id-dinja tax-xogħol li wkoll qegħda tinbidel mil-lejl għan-nhar.  

L-iżball li xi kultant nagħmlu hu li s-sillabu jibqa jippreżenta suġġetti u temi f’iżolament minn xulxin.  Għadna nesiġu mingħand it-tfal li jitgħallmu tagħrif u fatti, ħafna drabi bl-amment mingħajr ma ngħallmuhom it-tifsira vera tagħhom.  Instab li f’diversi pajjiżi dan għadu jiġri l-aktar fil-livell sekondarju u jwassal biex meta eventwalment it-tfal jidħlu fid-dinja tax-xogħol jinnutaw li r-realta’ bejn l-iskola u l-impjieg hija ferm differenti.  

Biex negħlbu din l-isfida li wkoll tinħass anki f’pajjiżna, hemm bżonn li jkollna tibdil fil-kurrikulu u fis-sillabi wara diskussjoni wiesgħa mal-imsieħba kollha. Għandha tingħata prijorità akbar lejn il-ħiliet li l-istudenti tagħna għandhom bżonn f’ħajjithom u fil-qasam tax-xogħol fis-seklu 21, fosthom ħiliet fil-kommunikazzjoni, kreattivita’, l-użu effettiv tat-teknoloġija, il-kapaċita li jaħdmu fi grupp u li jsibu soluzzjoni għall-problemi li jħabtu wiċċhom magħhom fil-ħajja. Dwar dan inkompli nelabora aktar f’artiklu ieħor fil-ġimgħat li ġejjin permezz ta’ din ir-rubrika.    

Photo Caption – Dawk li huma kkunsidrati bħala l-aqwa skejjel fix-xena nternazzjonali jirnexxilhom iressqu lejhom edukaturi ddedikati, professjonali u mħarrġa sew li jaraw ix-xogħol tagħhom bħala vokazzjoni.

Is-sillabu fl-iskejjel għandu jipprepara lill-istudenti għal dinja tax-xogħol li wkoll qegħda tinbidel mil-lejl għan-nhar.  

Ekonomija

Sport