Fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, ajruplan tal-Air Malta li kien fuq it-titjira KM7446 minn Malta għal Lourdes safa milqut minn qatgħa għasafar waqt li kien qed jillandja. Fortunatament, il-passiġġieri abbord kollha ġew evakwati b’mod sigur.
Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Air Malta, fejn kien spjegat ukoll li apparti dan l-episodju, kien hemm ukoll dewmien f’titjira li kellha titlaq minn Lourdes, KM7447, li oriġinjarment kellha tasal Malta għall-ħabta tas-01:40 a.m. (ħin lokal). Fl-istess stqarrija, il-kumpanija Air Malta assigurat lill-pubbliku li saru l-ispezzjonijiet meħtieġa mit-tim tekniku qabel ma l-ajruplan qabad triqtu lejn Malta.
Minħabba din ir-raġuni, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ żieda fit-titjiriet bejn Malta u Palermo sabiex ikunu megħjuna dawk il-passiġġieri milquta mill-inċident li seħħ fl-Ajruport ta’ Katanja l-Ħadd li għadda, l-Air Malta qed tbassar li d-dewmien fl-iskeda tat-titjiriet se jibqa’ jippersisti għall-kumplament tal-jum tal-lum.
Fl-aħħar nett, il-kumpanija skużat ruħha mal-klijenti li ntlaqtu minn dan l-inkonvenjent li l-Air Malta ma kellha l-edba kontroll fuqu, filwaqt li fakkret illi bħala kumpanija dejjem tesiġi dwar is-sigurtà tal-passiġġieri u l-membri tal-ekwipaġġ.