Saturday, December 21, 2024

Titlesta l-ewwel fażi tax-xogħlijiet fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €250,000, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli u  Parks Malta ħabbru t-tlestija tal-ewwel fażi ta’riġenerazzjoni fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn, ħabbru l-Ministru Miriam Dalli u d-Direttur ta’ Parks Malta Adrian Attard waqt żjara.

It-tlestija tal-ewwel fażi ta’ dan il-proġett tinkludi xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-għamara eżistenti fil-park, inkluż fuq l-ikbar struttura tal-logħob li sofriet minn ħsara kawża ta’ att vandalu serja. Sar xogħol ta’ manutenzjoni fl-outdoor gym u nbidlet l-għamara tal-park, fosthom aktar minn 15-il saqaf li joffri kenn mix-xemx u t-tisbiħ ta’ bankijiet. Din il-fażi rat manutenzjoni intensiva fuq il-five-a-side pitch filwaqt li ġie infurzat mill-ġdid l-ilqugħ madwar il-pitch.

Fl-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, ġew irrestawrati l-ħitan tas-sejjieħ u sar titjib fis-sistema ta’ sorveljanza billi ġew installati  23 kamera ġdida. Saru x-xogħlijiet neċessarji biex terġa’ titħaddem il-funtana filwaqt li sar xogħol biex tinżamm il-ħażna tal-ilma tax-xita f’ġibjun apposta. Barra minn hekk, sar xogħol ta’ manutenzjoni fuq is-sistema tal-ilma li tħaddem l-istess funtana. 

Saret rilokazzjoni taż-żona ddedikata għall-klieb, fejn b’area ta’ 800 metru kwadru, li hija ikbar minn dik ta’ qabel, u se tkun imqassma f’żoni differenti għal klieb kbar u żgħar. Id-dog park ġdid se jkun mgħammar b’dawl apposta, servizz tal-ilma, bankijiet u logħob magħmul minn materjal riċiklabbli.

Se jsir xogħol fuq żona ġdida għall-picnics biex l-area li qabel kienet isservi ta’ dog park, issa se tkun qed isesrvi ta’ picnic area. Dan l-ispazju se jkun jista’ jservi wkoll għal sessjonijiet ta’ tagħlim lit-tfal tal-iskola.

Il-Ministru Miriam Dalli rringrazzjat lil Parks Malta tal-ħidma tagħhom. “Dan il-proġett se jkun qed  joffri aktar opportunitajiet ta’ rikreazzjoni,” qalet il-Ministru Dalli.

“Spiss nitkellmu dwar l-importanza li nħarsu saħħitna, kemm mill-aspett fiżiku kif ukoll mill-aspett mentali. Biex nagħmlu dan, irid ikollna spazji miftuħa fejn il-familji Maltin ikunu jistgħu jmorru jqattgħu ħin flimkien. Hekk kif illum qed naraw l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett titlesta, issa se nkomplu niżviluppaw dan il-park biex ikompli jkun aktar attraenti, aċċessibbli u joffri aktar opportunitajiet ta’ rikreazzjoni, kemm għar-residenti tal-lokal kif ukoll għall-pubbliku ġenerali,” irrimarkat il-Ministru Dalli.

“Illum qed naraw l-ewwel fażi kompluta ta’ dan il-proġett. Parks Malta hija kommessa li tkompli tiżviluppa dan il-proġett biex fix-xhur li ġejjin naraw dan il-proġett finalizzat u jitgawda mill-pubbliku,” qal is-Sur Adrian Attard.

Ekonomija

Sport