Il-Ministru għall-Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li ntemmu x-xogħlijiet fuq Triq ta’ Klula, f’Santa Luċija Għawdex, li hija l-10 triq li tlestiet mill-100 triq residenzjali mwiegħda għal Għawdex fit-tliet snin li ġejjin. Waqt żjara fuq il-post, huwa qal li din it-triq mhux biss sarilha wiċċ ġdid iżda wkoll interventi infrastrutturali importani li ser ikollhom impatt fit-tul fuq is-servizz u s-sostenibbiltà taż-żona.
Il-Ministru Clint Camilleri kompla jispjega li “ħsibna wkoll għall-infrastruttura tan-New Water. Triq ta’ Klula, li fiha 1,500 metru kwadru, illum bdiet tintuża mill-ġdid min-nies tal-akkwati. Barra minn hekk, bħalissa għaddejjin b’diversi xogħlijiet oħra, fosthom ix-xogħlijiet estensivi li għandna għaddejjin fi Triq l-Arċisqof Pietru Pace, ix-xogħlijiet estensivi li għandna għaddejjin fi Triq Marsalforn, bejn Marsalforn u r-Rabat, kif ukoll ġewwa Marsalforn stess u xogħol li biħsiebna nibdew ukoll fil-ġranet li ġejjin. 100 triq residenzjali fit-tliet snin li ġejjin ser inkunu qegħdin inwettquhom kollha waħda wara waħda. Din hija l-10 waħda.”
Fost l-interventi ewlenin li saru fi Triq ta’ Klula kien hemm iċ-ċaqliq tal-pajp tal-ilma potabbli għal taħt l-art, sabiex tissaħħaħ is-sigurtà u l-affidabbiltà tas-servizz, kif ukoll it-tqegħid tal-infrastruttura meħtieġa għall-introduzzjoni futura tan-New Water, biex iż-żona tkun ippreparata għal investimenti oħra relatati mal-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura. Fl-istess waqt, sar ukoll xogħol ta’ konsolidazzjoni tal-ħajt ta’ ritenzjoni tat-triq, biex tiġi żgurata l-istabbiltà strutturali u s-sigurtà fit-tul tal-passaġġ rurali.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li dan il-proġett ikompli juri b’mod ċar il-viżjoni tal-Ministeru li jkompli jinvesti f’toroq aktar siguri, effiċjenti u reżiljenti, b’benefiċċju dirett għall-komunità. L-intervent hu wkoll konformi mal-għanijiet usa’ ta’ żvilupp sostenibbli u modernizzazzjoni tal-infrastruttura rurali f’Għawdex.

