It-tennista Serba, Novak Djokovic, se jkun jista’ jilgħab fl-Open tal-Awstralja, f’Jannar li ġej, wara li tneħħietlu s-sospensjoni tal-viża mill-awtoritajiet Awstraljani.
F’Jannar li għadda, Djokovic kien inżamm milli jidħol fil-pajjiż minħabba li kien irrifjuat li jitlaqqam kontra l-Covid-19.
Huwa ġie deportat mill-pajjiż 10 ijiem wara, minkejja li fetaħ sfida legali.
Meta Djokovic wasal l-Awstralja f’Jannar, il-każijiet tal-Covid kienu qed jiżdiedu u r-regoli tal-gvern kienu jeħtieġu li kull min jidħol fil-pajjiż kellu jitlaqqam, sakemm ma kellux eżenzjoni valida ta’ medikazzjoni.
Huwa ma ssodisfax ir-rekwiżiti għad-dħul u għalhekk il-viża tiegħu ġiet ikkanċellata u awtomatikament ma tħalliex jidħol fil-pajjiż għal tliet snin.
Iżda l-Ministru tal-Immigrazzjoni Andrew Giles – li l-gvern tiegħu rebaħ il-poter f’Mejju li għadda – neħħa din is-sospensjoni u għaldaqstant lest li jissottometti l-viża lil Djokovic.
Min-naħa tiegħu, il-president ta’ Tennis Australia, Craig Tiley, qal li kien kunfidenti li Djokovic kien se jilgħab fl-Open tas-sena d-dieħla.
“Naf li Novak irid jiġi jilgħab u jerġa’ jikkompeti,’ huwa qal.
“Huwa jħobb l-Awstralja għax hawn kellu l-aqwa suċċess.”
Iċ-champion tat-tennis kien sostna li huwa mar l-Awstraljan biex jilgħab fit-tournament fejn emmen li seta’ jikseb l-eżenzjonijiet mediċi meħtieġa.
Iżda huwa nżamm u ġie interrogat minn uffiċjali tal-fruntiera f’Melbourne fil-5 ta’ Jannar, u l-viża tiegħu ġiet ikkanċellata fis-sigħat bikrin ta’ l-għada filgħodu.