Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Aquatic Resources Malta, Dr Frank Fabri nedew l-iskema ‘Inwettqu riċerka flimkien mas-sajjieda’.
Din l-iskema qed tkompli ssaħħaħ ir-riċerka fis-settur tas-sajd u tallinja wkoll ma’ obbligi nazzjonali li għandha Malta bħala Membru Stat tal-Unjoni Ewropea. Permezz tal-iskema, f’perjodu ta’ ftit inqas minn sentejn, l-Aġenzija Aquatic Resources Malta rnexxielha tagħmel kisbiet sostanzjali.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet, “Permezz ta’ inizjattiva oħra għas-sajjieda, qed inkomplu nagħmlu riċerka favur dan is-settur. Din ir-riċerka hija possibbli grazzi għall-koperazzjoni tas-sajjieda tagħna. Permezz ta’ din l-iskema se nkomplu niġbru informazzjoni dwar l-ibħra u l-ħut tagħna sabiex bħala Gvern ikollna informazzjoni utli li tgħina nfasslu politika għan-nies.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Dr Frank Fabri spjega kif wara li l-Aġenzija ppubblikat il-viżjoni strateġika tagħha li twassal sal-2050 bdiet l-implimentazzjoni minnufih. Kompla li l-iskema tallinja wkoll ma’ din il-viżjoni, fejn qed isir ġbir ta’ informazzjoni flimkien mas-sajjieda b’bastimenti reġistrati, li hija meħtieġa għar-riċerka obbligatorja tal-Aġenzija. Kompla jispjega li l-Aġenzija se tagħmel dan b’rikonoxximent u bi ħlas ta’ €320 għal kull sajda. Dan huwa parti mill-programm DC-MAP II u hu kofinanzjat minn fondi Ewropej. “L-Aġenzija qed taħdem id f’id mas-sajjieda u tqishom bħala kollaboraturi fir-riċerka,” temm jgħid Dr Fabri.
Dr Marija Pia Gatt, li hija responsabbli mit-taqsima tar-riċerka fis-sajd, qalet li hija inkoraġġanti ferm li madwar 60 sajjied irreġistra l-interess tiegħu għal waħda jew aktar mill-44 sajda differenti li se jsiru matul din is-sena taħt disa’ rkapti differenti.
L-għażla tas-sajjieda se ssir permezz ta’ polza pubblika nhar is-Sibt, 10 ta’ Jannar 2026 fid-9:00 ta’ filgħodu ġewwa l-Forti ta’ San Luċjan, f’Marsaxlokk.




