Saturday, December 28, 2024

Titnieda kampanja nazzjonali li tħeġġeġ iżjed persuni jsiru donaturi tad-demm

Aqra wkoll

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm nieda kampanja nazzjonali ġdida bit-tema ta’ ‘Super Donaturi’, li titfa’ lenti fuq ir-riżultat ta’ donazzjoni tad-demm, dik li jiġu salvati l-ħajjiet. Il-kampanja għalhekk issellem lid-donaturi tad-demm kollha bħala super eroj, hekk kif b’donazzjoni waħda dawn l-individwi għandhom il-potenzjal li jsalvaw mill-inqas tliet ħajjiet li jkunu fil-periklu.

Waqt żjara fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ltaqa’ ma’ uħud mid-donaturi li pparteċipaw fil-kampanja u mal-ħaddiema taċ-ċentru fejn sema’ kif l-esperjenzi pożittivi tad-donaturi jħeġġuhom jagħtu donazzjonijiet regolari filwaqt li jħajru lil qrabathom u lil sħabhom jagħmlu l-istess. Id-deputat prim ministru faħħar l-eżempju li jagħtu d-donaturi u li grazzi għalihom ikunu evitati sitwazzjonijiet fejn ir-riserva tad-demm tilħaq livelli kritiċi.

“Verament jistħoqqilkom tissejħu super eroj, għaliex bil-ġest tagħkom tgħinu lil persuni li huma vulnerabbli u fil-bżonn u mingħajrkom il-professjonisti mediċi tagħna ma jkunux jistgħu jikkurawhom u jsalvawhom. Ta’ dan, f’isem il-professjonisti u f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, inroddilkom ħajr,” qal id-deputat prim ministru lid-donaturi preżenti.

Il-ministru għas-saħħa spjega li s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm dejjem ikun minn ta’ quddiem biex jaġġorna l-protokolli skont l-aħħar studji internazzjonali, u jinvesti f’magni innovattivi sabiex ikun possibbli li iżjed nies ikunu donaturi tad-demm. Huwa fakkar li permezz ta’ dan l-investiment, is-sena li għaddiet twessgħu il-parametri tal-eliġibbiltà tad-donaturi li wassal biex persuni ta’ kull orjentazzjoni sesswali jkunu jistgħu jagħtu d-demm.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne irringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm u tal-banek tad-demm fl-isptarijiet tad-dedikazzjoni u tal-ħidma kontinwa tagħhom. Huwa ħeġġeġ lil kull min huwa eliġibbli biex jieħu ftit ħin mill-ġurnata tiegħu u jżur iċ-Ċentru ta’ Gwardamanġa jew il-mobile van tad-demm sabiex huma wkoll ikunu super eroj.

Ekonomija

Sport