Friday, May 3, 2024

Titnieda konsultazzjoni pubblika biex in-naħla Maltija tiġi ddikjarata Speċi Nazzjonali

Aqra wkoll

Studenti mill-iskejjel Primarji ta’ Birkirkara u Ħal Safi kienu l-ewwel parteċipanti fil-konsultazzjoni pubblika li se twassal biex in-naħla Maltija tiġi ddikjarata bħala insett nazzjonali ta’ Malta.

Il-konsultazzjoni pubblika tnediet fiċ-Ċentru Edukattiv tal-Buskett, fejn l-istudenti, permezz ta’ diversi attivitajiet bħal puppet showdiġitali, ingħatalhom aktar tagħrif dwar in-naħla Maltija u l-importanza tagħha bħala pollinatur.

L-emendi fil-leġiżlazzjoni li ġew imnedija għall-konsultazzjoni pubblika ħadu inkonsiderazzjoni t-tħassib operattiv ta’ dawk li jrabbu n-naħal u qed tiġi proposta is-simplifikazzjoni tal-proċessi għall-permessi bejn żewġ regolaturi, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u d-Dipartiment tal-Agrikoltura, u b’hekk tevita piżijiet addizzjonali għal dawk li jrabbu n-naħal. L-emendi jagħtu wkoll aktar protezzjoni lin-naħla endemika Maltija.

Waqt diskussjoni mal-istudenti preżenti, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli spjegat l-importanza li n-naħla Maltija tiġi ddikjarata bħala insett nazzjonali.

“Lil hinn mis-sinifikat tagħha bħala pollinatur għall-ekosistemi tagħna, in-naħla tissimbolizza l-impenn tagħna għall-bijodiversità u l-ambjent. Ejjew ngħożżu u nipproteġu lil dan l-insett imprezzabbli, filwaqt li nagħrfu r-rwol importanti tiegħu fis-sostenn tal-ħajja fuq il-pjaneta tagħna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Id-Direttur għall-Ambjent u r-Riżorsi tal-ERA Darrin Stevens innota li, “Dawn l-avvenimenti huma inkoraġġanti peress li wieħed jista’ jara b’mod ċar il-passjoni li għandhom it-tfal għan-natura. Illum komplejna nuru l-isforzi tal-ERA fir-rigward ta’ konservazzjoni kemm fil-qasam terrestri kif ukoll fil-qasam tal-ispeċi. Permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika nistgħu nkomplu nipprovdu protezzjoni lil speċi importanti li għandha rwol importanti fil-ħarsien tal-bijodiversità.”

Sport