Friday, December 27, 2024

Titnieda l-11-il edizzjoni ta’ Ħondoq by Night

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li għal sena oħra qed jerġa’ jiġi organizzat il-festival Ħondoq by Night. Fil-fatt, din hija l-11-il edizzjoni ta’ dan il-festival li se jittella’ nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Lulju mit-8pm ‘il quddiem.

Il-Ministru Clint Camilleri rringrazzja lill-organizzaturi fosthom Qala Saints FC, il-kunsill lokali u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża li flimkien mal-Ministeru għal Għawdex għal sena oħra se jtellgħu dan l-avveniment li jiġbed eluf ta’ nies lejn waħda mill-isbaħ bajjiet fil-gżira Għawdxija.

“Il-Ministeru għal Għawdex kull sena jkun fuq quddiem nett biex jgħin finanzjarjament sabiex jittellgħu bosta attivitajiet li jattiraw viżitaturi lejn Għawdex filwaqt li jiġġeneraw turiżmu intern. Kommessi li nkomplu nissapportjaw dawn l-avvenimenti u nsaħħuhom sabiex Għawdex jibqa’ jkun l-għażla naturali ta’ bosta matul is-sena kollha,” tenna l-Ministru Camilleri.

Il-line up ta’ Ħondoq by Night Festival 2023 se jinkludi wħud mill-aqwa artisti lokali, fosthom Cash & Band ft. Sean Kamati, Tenishia, Perez, Nikki u Darco. Dan filwaqt li bħalma jsir kull sena dan l-avveniment se jerġa’ jkun ħieles mill-plastik bil-għan li jiġi protett l-ambjent marittimu.

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lill-familji kollha sabiex jattendu għal din l-attività li minn sena għall-oħra qiegħda tkompli żżid fis-suċċess tagħha.

Ekonomija

Sport