Saturday, July 20, 2024

Titnieda l-Aġenzija Xjenza Malta li se tkun responsabbli mill-oqsma tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Ispazju

Aqra wkoll

Illum ġiet imnedija l-aġenzija governattiva ġdida Xjenza Malta li se tieħu taħt ir-responsabbiltà tagħha l-attivitajiet kollha relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika u l-programmi ta’ finanzjament nazzjonali, tal-UE u internazzjonali relatati ma’ dawn l-oqsma, kif ukoll inizjattivi relatati mal-ispazju.

L-aġenzija, li se topera miċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza ta’ Malta (Esplora) u li se tieħu f’idejha r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, tnediet uffiċjalment mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Xjenza Malta se tibni fuq ix-xogħol u l-investiment li diġà sar mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. L-aġenzija se tkun qed taħdem ukoll fuq l-aġġornament tal-politika nazzjonali tar-R&I u l-ispazju, kif ukoll li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-istess politika nazzjonali. L-aġenzija se tamministra u tiffinanzja firxa wiesgħa ta’ inizjattivi ta’ riċerka u innovazzjoni. Se jkollha l-irwol ukoll ta’ National Contact Point għal Horizon Europe. Dan filwaqt li se tkompli żżid l-għarfien dwar ix-xjenza u l-edukazzjoni bbażata fuq l-iSTEM.

Il-Ministru Clifton Grima qal, “Xjenza Malta huwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba biex inkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar u l-ħafna li għad irridu nwettqu fis-setturi tar-riċerka u x-xjenza li tant huma importanti u kruċjali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. Permezz ta’ din l-aġenzija se jkun hemm struttura aktar b’saħħitha u aktar effiċjenti li permezz tagħha l-imsieħba prinċipali tas-settur ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna u kollaborazzjoni li jwasslu biex pajjiżna jattira investiment ġdid li jwassal biex jinkisbu riżultati aħjar”.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti semma kif il-ħidma tal-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija matul is-snin wasslet biex tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna, dan hekk kif iffinanzjat numru ta’ proġetti fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li wasslu biex ikollna prodotti jew servizzi ġodda u innovattivi.

Huwa kompla jgħid li matul dawn l-aħħar snin, apparti li żdiedu l-fondi għar-riċerka, twessa’ wkoll il-portafoll tal-programmi ta’ riċerka. Dan qed iwassal biex ir-riċerka f’Malta tissaħħaħ f’setturi ta’ importanza għal pajjiżna, kif ukoll f’niċeċ u oqsma ġodda. Huwa temm jgħid li din l-aġenzija l-ġdida se tkompli tibni fuq ix-xogħol tajjeb ħafna li diġà sar mill-Kunsill sabiex pajjiżna jkompli javvanza f’dawn l-oqsma importanti għall-futur ta’ pajjiżna.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta Silvio Scerri qal li l-aġenzija l-ġdida se taħdem bis-sħiħ biex il-pajjiż jimmassimizza l-opportunitajiet li joffri s-settur tar-Riċerka u l-Innovazzjoni għal aktar diversifikazzjoni u tkabbir tal-ekonomija. Qal li l-aġenzija se tkun miftuħa għall-istakeholders kollha u se tkun miftuħa għal ideat ġodda, filwaqt li se tiffoka fuq il-kommunikazzjoni fi ħdan il-komunità, mal-intrapriżi privati u l-istituzzjonijiet akkademiċi li jagħmlu r-riċerka.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport