L-Għaxar Edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport – #BeActive European Week of Sport se ssir bejn it-23 ta’ Settembru u t-30 ta’ Settembru, meta bħal snin oħrajn, permezz ta’ SportMalta, pajjiżna jipparteċipa f’din il-ġimgħa ta’ attivitajiet mifruxa ma’ 40 pajjiż. Din il-ġimgħa ta’ sport issir bil-għan li tippromwovi stil ta’ ħajja aktar attiva lil miljuni ta’ nies kemm fl-Ewropa kif ukoll f’pajjiżi lil hinn mill-Ewropa.
Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ din il-ġimgħa huwa li tqajjem kuxjenza dwar l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu, speċjalment meta l-istatistika turi li numru sostanzjali ta’ persuni madwar l-Ewropa, inkluż f’pajjiżna, ma jgħixux ħajja bilanċjata li fiha jdaħħlu l-element importanti ta’ sport u eżerċizzju fiżiku.
Waqt it-tnedija ta’ din il-ġimgħa ta’ attivitajiet sportivi li saret fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar l-importanza tal-attività fiżika u l-isport fil-ħajja ta’ kuljum biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna u li dan l-istil ta’ ħajja jibda minn età bikrija. “Permezz ta’ SportMalta u l-kampanja #BeActive, il-Ministeru qed jippromwovi l-isport u l-attività fiżika matul is-sena kollha biex ikollna soċjetà li tkun konxja tal-importanza tal-attività fiżika u li tipparteċipa b’mod aktar attiv f’attivitajiet sportivi u fiżiċi,” qal il-Ministru Grima.
Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport ta’ din is-sena se tiffoka fuq it-temi tal-inklużjoni, il-benesseri, u l-appartenenza. “F’din il-ġimgħa wkoll qed inkomplu nuru l-importanza li l-isport mhux biss iġib l-għaqda, imma wkoll l-importanza tal-inklużjoni fid-dinja tal-Isport,” qal il-Ministru Grima.
Waqt it-tnedija ta’ dalgħodu ngħataw id-dettalji tal-attivitajiet li se jsiru, bil-parteċipazzjoni ta’ 30 Kunsill Lokali, studenti mill-Iskejjel, aktar minn 40 għaqda u assoċjazzjoni sportiva u ħaddiema minn postijiet tax-xogħol. L-avveniment Nazzjonali #BeActive Night se jsir fis-27 ta’ Settembru, filwaqt li bħal snin oħra se jsir ukoll Jum tal-Isport fl-iskejjel.
Il-Chairman ta’ SportMalta Matthew Pisani aċċenna għall-messaġġ tal-kampanja dwar kemm l-attività fiżika hija importanti għal kulħadd filwaqt li awgura li din l-inizjattiva tispira lill-poplu jgħix ħajja aktar attiva.
L-Ambaxxaturi għal dan l-avveniment sportiv se jkunu il-Judoka Katryna Esposito, it-tiratur Gianluca Chetcuti, atleta tal-Frame Football Maja Ruzicic u l-għawwiema Sasha Gatt.
Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Clifton Grima żar l-attivitajiet sportivi li kienu għaddejjin fil-Kumpless organizzati fil-kampanja ta’ kull sena Summer on the Move. Matul is-Sajf madwar 4,000 persuna jattendu dan il-programm immexxi minn coaches kwalifikati f’diversi dixxiplini sportivi. Il-Ministru Clifton Grima spjega li l-għan ta’ dan il-programm huwa li jressaq kemm jista’ jkun lit-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti lejn l-attività sportiva fix-xhur tas-sajf, meta t-tendenza hija li kulħadd ikollu iktar ħin liberu.
Permezz ta’ dan il-programm, SportMalta qed tkompli tixpruna soċjetà Maltija aktar attiva u parteċipattiva fl-isport, u li apparti, tilħaq livelli ogħla fid-dinja tal-isport kompetittiv u tgawdi mill-benefiċċji tas-saħħa assoċjati mal-isport.