Friday, November 15, 2024

Titnieda l-ewwel edizzjoni ta’ Springtime in Gozo

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-ewwel edizzjoni ta’ Springtime in Gozo, programm ieħor ta’ attivitajiet f’Għawdex għal żmien ir-rebbiegħa.

Il-Ministru Camilleri qal li b’itinerarju dettaljat ta’ avvenimenti, il-Ministeru għal Għawdex, permezz tad-Direttorat tal-Wirt Kulturali, se jerġa’ jwassal programm li ser jilħaq l-aspettattivi ta’ bosta. Huwa żied jgħid li, “Fir-rebbiegħa, Għawdex jerġa’ jibda jieħu l-ħajja, fejn il-kampanja tkun fl-aqwa tagħha u l-ħidma fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex tkun qed tintensifika biex nippreparaw għall-istaġun importanti tas-sajf.”

Id-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ħejja bosta attivitajiet li jinkludu fost oħrajn l-opra klassika La Traviata, il-festival annwali tal-logħob tan-nar, il-festival tal-inbid organizzat fir-raħal ta’ Sannat, u l-fiera tar-rebbiegħa li ta’ kull sena tiġi organizzata fil-ġonna ta’ Villa Rundle u li issa saret avveniment imfittex sew.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li għas-sitt ġimgħat li ġejjin, kemm ir-residenti ta’ Għawdex kif ukoll dawk li jżuru l-gżira, ser ikollhom firxa wiesgħa ta’ attivitajiet. Ikkonkluda billi ħeġġeġ lil kulħadd jattendi dawn l-attivitajiet filwaqt li fakkar li diġà qed jitħejja kalendarju kulturali impenjattiv għax-xhur tas-sajf.

Ekonomija

Sport