Inizjattiva ġdida b’risq il-Malta Community Chest Fund bl-isem L-Istrina Palace Run se tlaqqa’ lill-atleti minn madwar Malta u Għawdex għal maratona li fuq perjodu ta’ erba’ snin se tkun inkorporat fiha t-tliet palazzi presidenzjali.
L-ewwel parti ta’ din il-maratona, ‘The 10km L-Istrina Palace Run’, se ssir nhar il-Ħadd 15 ta’ Ġunju u ser tkun mill-Kastell Verdala sal-Palazz Sant’Anton.
Fi tmiem kull edizzjoni se jitqassmu midalji li flimkien se jgħaqqdu sett, bħala memorja storika li tirrappreżenta l-għaqda, il-perseveranza u l-impatt kollettiv, u tkun xhieda tal-ġenerożità ta’ kull wieħed u waħda minnhom. Dan minbarra premjijiet lill-ewwel tliet atleti fil-kategoriji rispettivi tagħhom. Din l-inizjattiva, li nibtet minn idea tal-Maġġur Richard Vassallo, se tiċċelebra wkoll il-wirt kulturali Malti waqt li jinġabru fondi importanti b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, l-E.T. il-President Myriam Spiteri Debono, fissret din l-inizjattiva ġdida bħala parti minn kullana ta’ attivitajiet li permezz tagħhom dawk kollha li jiġu bżonn il-Malta Community Chest Fund ikunu megħjuna.
Il-Maġġur Richard Vassallo spjega li kien ilu jinħass il-bżonn li l-atleti jkollhom maratona ddedikata għalihom, li tikkumplimenta imma tkun inizjattiva separata mill-Mixja mal-President.
Fl-istess waqt innota li din il-maratona qed tkompli ssaħħaħ il-kultura u l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku fost il-Maltin u l-Għawdxin.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Joseph Micallef, veteran fl-organizzazzjoni tal-maratoni, li spjega kif ingħatat attenzjoni partikolari biex din il-maratona tilħaq l-ogħla standards, tant li parti minnha se tgħaddi minn rotot tal-Maratona ta’ Malta.
Ir-rotta saret ukoll bi ħsieb biex tkun adattata mhux biss għall-atleti, imma wkoll għal ġerrejja każwali u għal dawk li jixtiequ jagħmlu din l-esperjenza fl-istess waqt li jagħmlu d-differenza fil-ħajja tal-ħafna persuni li jiġu bżonn il-Malta Community Chest Fund.
L-applikazzjonijiet għal dawk interessati li jieħdu sehem f’din il-maratona jinsabu miftuħa fuq is-sit maltamarathon.com.
Il-maratona qed issir bl-appoġġ tal-isponsor ewlieni Eurosport, kif ukoll il-Fond għall-Kawżi Ġusti.