Mużika Mużika ser jirritorna għall-ħames sena konsekuttiva, din id-darba b’16-il finalist li se jikkompetu f’Marzu li ġej. L-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika ttellgħet lura fl-2021, permezz tar-ritorn tal-festival wara li ġie rridimensjonat minn Festivals Malta
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici tenna l-importanza tal-preparamenti għal dan il-festival prestiġjuż, li bħalissa jinsabu fl-aqwa tagħhom. Dawn se jilħqu l-qofol fuq il-palk spettakolari ta’ Mużika Mużika fl-MFCC, Ta’ Qali.
“Il-festival kiseb rispons pożittiv kbir, tant li qed ikompli jikber fil-popolarità, kemm fost l-artisti parteċipanti kif ukoll fost l-udjenzi numerużi li jsegwuh b’entużjażmu kull sena,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
“F’Marzu li ġej se niċċelebraw il-ħames sena ta’ suċċess ta’ Mużika Mużika; ħames snin ta’ Mużika Maltija tal-ogħla kwalità. Festival li l-poplu Malti ikun qiegħed jistenna”, stqarr iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra.
“Ninsab ħerqan biex permezz ta’ Festivals Malta nippreżentaw spettaklu mill-aqwa b’dak li għandna preparat, fosthom sittax-il finalist li ser jikkompetu fl-edizzjoni ta’ din is-sena. Dan il-festival issawwar fuq il-premessa li jippreżerva l-kanzunetta Maltija, u mhux talli għamilna dan, talli Festivals Malta saħansitra rnexxielha televa l-kanzunetta Maltija u tagħtiha l-ġieħ li jistħoqqilha.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, qal li “Mużika Mużika huwa wieħed mill-akbar festivals fil-portafoll ta’ Festivals Malta li jinkludi madwar 150 tekniku u professjonist li jkunu qed jaħdmu waqt il-festival u minn wara l-kwinti. L-udjenzi tagħna għandhom diversi aspetti għalxiex ikunu ħerqana għalihom għal din il-ħames edizzjoni. Se jkollna diversi sorpriżi, u palk straordinarju kif kapaċi joffri Mużika Mużika. Kburi li wasalna s’hawn u ħerqan biex f’Marzu li ġej ningħaqdu għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ Mużika Maltija.”
Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, Ray Bugeja spjega kif se jaħdem il-proċess tal-votazzjoni din is-sena. “B’differenza din is-sena l-votazzjoni tal-ewwel serata, jiġifieri tal-Ħamis, ser tkun esklussiva biss għas-sala, dak li qed insejħulu l-Vot tas-Sala. Il-membri tal-udjenza se jiġu mitluba jniżżlu app, li minnha jistgħu jissottomettu l-vot tagħhom. Dawn il-voti ser jinġabru biex jingħaddu mal-kumplament tal-voti tas-Sibt. B’hekk qed inħeġġu lill-udjenzi tagħna biex jiġu fis-sala ħalli jkollhom sehem fil-vot tagħhom tal-ewwel serata.”
Id-Direttur Artistiku ta’ Mużika Mużika Paul Abela qal li, “Kburi li wasalna għall-ħames edizzjoni ta’ dan il-festival. Tul is-snin mir-ritorn ta’ Mużika Mużika smajna diversi kanzunetti li daħlu fl-istorja mużikali ta’ pajjiżna. Bħal kull sena, għandna kanzunetti oriġinali tal-ogħla kwalità interpretati minn artisti bravissimi. Element li dejjem spikka waqt Mużika Mużika hu l-orkestra live, u bħas-soltu din is-sena se jkollha post prominenti fuq il-palk tagħna.”
Mużika Mużika se jixxandar live fuq TVM kif ukoll se jsir fl-MFCC ta’ Qali bejn is-27 u d-29 ta’ Marzu 2025. Il-biljetti għas-sala huma miftuħa għall-bejħ. Għall-aħħar aġġornamenti wieħed għandu jżur il-paġni tal-midja soċjali ta’ Mużika Mużika u s-sit elettroniku www.muzikamuzika.mt.
Mużika Mużika huwa organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Mużika Mużika huwa sponsorjat minn Carisma, Virtu Ferries, Gozo Highspeed u Waterfront Hotel.