Il-Gvern nieda l-Istrateġija Nazzjonali tal-Attività Fiżika li ttejjeb is-saħħa (HEPA) 2025-2030. Din l-istrateġija tistabbilixxi qafas nazzjonali biex tippromwovi l-attività fiżika f’kull stadju tal-ħajja, billi tirrikonoxxi r-rwol essenzjali tagħha fit-titjib tas-saħħa fiżika u mentali.
L-istrateġija tadotta approċċ li jinvolvi lill-gvern kollu u lis-soċjetà kollha, biex setturi differenti; bħas-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport, l-ambjent u l-ippjanar urban jaħdmu flimkien sabiex jinħolqu ambjenti li jagħmlu l-attività fiżika parti naturali mill-ħajja ta’ kuljum.
Il-Ministru għas-Saħħa u għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal li din l-istrateġija HEPA hija pass kruċjali biex tippromwovi soċjetà aktar attiva, b’saħħitha u sostenibbli. L-istrateġija tqiegħed l-ekwità u l-inklużjoni fil-qalba tagħha, biex kull individwu irrispettivament mill-età, l-abbiltà jew l-isfond tiegħu ikun jista’ jgawdi mill-benefiċċji tal-attività fiżika.
“Permezz ta’ din l-istrateġija u anke l-istrateġija mnedija fl-aħħar ġimgħat ta’ mard mhux trasmissibbli, Malta terġa’ tikkonferma l-impenn tagħha biex tħeġġeġ aktar nies idaħħlu l-attività fiżika fir-rutina tagħhom, ittejjeb is-saħħa pubblika u tħeġġeġ komunitajiet attivi li jsaħħu l-benesseri ta’ kulħadd,” temm jgħid Dr Abela.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li din l-istrateġija tkompli tissaħħaħ permezz tal-edukazzjoni u l-isport, b’inizjattivi konkreti bħal-lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika kuljum fl-iskejjel, il-programmi Let’s Move Malta u #BeActive, kif ukoll l-iskema ta’ gyms b’xejn għaż-żgħażagħ. Huwa saħaq li dawn il-miżuri qed jgħinu biex l-attività fiżika ssir parti naturali mill-ħajja ta’ kuljum tat-tfal u tal-familji Maltin, filwaqt li l-edukazzjoni tibqa’ pilastru fil-bini ta’ soċjetà b’saħħitha, attiva u inklussiva.